Dan l-aħħar smajna ħafna dwar il-bżonn ta’ aktar nisa fil-Parlament. Meta jissemma dan l-argument, jissmmew żewġ affarijiet, ġeneralment. Jibda d-dibattitu dwar għandux ikun hemm kwoti, u jiġi diskuss il-fatt li l-ħinijiet li jaħdmu Membri Parlamentari mhumiex tajbin għal min irid irabbi familja.
Hawn, abbli min huwa ġenitur u jaħseb ftit iktar fil-fond jiddarras. Mela l-missirjiet m’għandux ikollhom ħinijiet ‘family-friendly’ wkoll?
Propju fuq hekk tkellimna mal-Membru Parlamentari Silvio Schembri, għax għadu kemm sar missier għat-tieni darba.
“Il-ħajja ta’ ġenitur fil-politika mhix faċli! Jien bniedem li l-familja u d-dar inħobbhom ħafna, però minħabba impenji politiċi u s-sistema politika Maltija, il-ħin mal-familja jonqos ħafna.
Riċentement erġajt sirt missier, din id-darba ta’ tifla.
Kull filgħodu jkolli għafsa ta’ qalb kbira għax naf li se nitlaq kmieni mid-dar u qabel tard bil-lejl mhux se nerġa’ nidħol.
Wara x-xogħol tiegħi mmur niftaħ l-uffiċċju fejn niltaqa’ mal-kostitwenti u wara nibqa’ sejjer il-Parlament fejn seduta normali tispiċċa fid-9.00 p.m. u meta jkun hemm xi voti din iddum ħafna aktar.
Il-Ħamis u l-Ġimgħa meta ma jkunx hemm Parlament, immur inżur il-kostitwenti fid-djar tagħhom biex nara li l-kuntatt magħhom ikun wieħed kontinwu.
Wara mmur id-dar fejn insib lill-mara, għajjiena mejta, però tistennieni biex nieklu. It-tifel, li llum se jagħlaq tliet snin, jiġi jifraħ bija u jkun irid jilgħab miegħi, iżda wara ftit jorqod għaliex ikun sar il-ħin.
Matul il-lejl nipprova nqum jien nisqi lit-tifla biex inserraħ ftit lill-mara.
L-ikbar biża’ tiegħi hija li bħala missier mhux se nkun parteċipi biżżejjed fit-trobbija ta’ wliedi.
Iva, il-ħajja ta persuna fil-politika lil hinn jekk hux mara jew raġel hija diffiċli u għalhekk jeħtieġ li jekk verament irridu li aktar nies jiddedikaw ruħhom għall-politika hemm bżonn li l-politika tiġi aktar “family friendly” speċjalment fejn jidħlu l-ħinijiet tas-seduti parlamentari”.