Il-bastiment Pioneering Spirit refa’ għall-ewwel darba pjattaforma taż-żejt mill-baħar, mitt kilometru ‘l barra mill-kosta tan-Norveġja. Il-vapur, li jtajjar il-bandiera Maltija, neħħa pjattaforma taż-żejt tad-ditta Repsol li kien ilha li waqfet taħdem mill-2012.
Din hija l-ewwel darba li bastiment refa’ pjattaforma mill-ilma u ħaffef mhux ftit il-proċess biex jitnaddaf il-baħar minn dawn l-istrutturi. Qabel il-Pioneering Spirit, il-ħaddiema kien ikollhom iżarmaw il-pjattaforma biċċa biċċa.
Il-Pioneering Spirit huwa wieħed mill-ikbar vapuri fid-dinja b’tul ta’ 382 metru u wisgħa ta’ 124 metru. Huwa ftit iqsar minn erbgħa grawnds tal-futbol u kapaċi jerfa’ l-piż impressjonanti ta’ 48,000 tunellata; il-piż ta’ madwar 32,000 karozza. Il-Pioneering Spirit għandu sitt krejnijiet għall-użu speċifiku, spazju għal 27,000 tunellata ta’ pajpijiet u helipad enormi. Jista’ jaħdem f’kull fond ta’ ilma, fir-reġjuni polari u f’baħar qawwi.
Il-bastiment qiegħed f’posizzjoni favorevoli biex jidħol fis-suq tal-iskreppjar ta’ strutturi qodma fil-Baħar tat-Tramuntana. Il-kumpaniji taż-żejt mistennija jiddekomissjonaw numru ta’ pjattaformi taż-żejt u l-gass matul l-għaxar snin li ġejjin. Il-bastiment inbena biex jinstalla u jneħħi pjattaformi offshore kbar f’ħin qasir. Minħabba l-buq doppju (double hull), l-bastiment jista’ jidħol mal-pjattaforma b’buq fuq kull naħa u jerfa’ l-parti ta’ fuq bi tmien settijiet ta’ travi mibnija apposta.