L-għada li l-kwartieri Ġenerali tal-ikbar bank fil-Ġermanja, id-Deutshe Bank beda jiġi investigat dwar ħasil ta’ flus, Danske Bank, l-ikbar bank fid-Danimarka beda jħabbat wiċċu ma’ skandlu ta’ ħasil ta’ flus fl-ammont ta’ aktar minn €200 biljun.
Dan wara li l-prosekuturi fid-Danimarka akkużaw lill-bank li naqas milli jinvestiga u jirrapporta transazzjonijiet suspettużi. Il-bank qiegħed jiġi mixli wkoll b’nuqqas ta’ kontrolli xierqa u verifika tal-klijenti tiegħu.
Il-prosekutur pubbliku Daniż dwar reati serji ekonomiċi u internazzjonali qed jakkuża lil Danske Bank b’erba’ akkużi serji permezz tal-att dwar il-ħasil tal-flus.
Il-Prosekuturi qegħdin jakkużaw lill-bank li għal bosta snin naqas milli jirrapporta ammont kbir ta’ tranżazzjonijiet kbar u suspettużi lill-awtoritajiet Daniżi u Estonjani.
Huma kkritikaw ukoll lill-bord tal-bank li għalqu l-fergħa li kellhom fl-Estonja f’nofs skandlu mingħajr ma assiguraw li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa ta’ tranżazzjonijiet u klijenti suspettużi.
Il-Prosekuturi qegħdin jinvestigaw ukoll jekk jistgħux jieħdu passi kriminali kontra managers tal-bank.
B’reazzjoni, il-bank qal li qed jiġi akkużat mill-Prosekuturi Daniżi wara l-pubblikazzjoni ta’ rapport li ħareġ l-istess bank.
Fl-aħħar xhur il-bank tilef lill-kap eżekuttiv u liċ-chairman tiegħu b’riżultat tal-akbar skandlu ta’ ħasil ta’ flus li qatt inkixef fl-istorja tal-pajjiż.
Il-bank Daniż qal li bejn l-2007 u l-2015, aktar minn mitejn biljun ewro ta’ Russi u persuni mill-eks Unjoni Sovjetika għaddew mill-fergħa li l-bank kellu fl-Estonja u l-biċċa l-kbira tagħhom kienu suspettużi.
Il-Ministru għan-negozju Daniż Rasmus Jarlov qal li l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus huma serji ħafna u għalhekk huwa raġonevoli u neċessarju li d-Danske Bank jiġi akkużat mill-iskwadra ta’ kontra l-frodi.