F’Ħal Kirkop, il-pubbliku se jkun jista’ jara l-ikbar ballun dekorattiv u kanizzata tal-Milied li qatt inħadmu f’pajjiżna minn materjal riċiklat. Dan waqt l-attività ‘Gigantic’ li se tittella’ bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd f’Misraħ ta’ Ħal Kirkop.
Il-ballun u l-kannizzata ta’ sittax-il pied kienu idea ta’ Charles Buttigieg, dilettant kbir tal-Milied li sab l-għajnuna tal-membri l-oħra sħabu tal-Għaqda San Leonardu ta’ Ħal Kirkop.
Fil-maħżen tal-Għaqda sibna lil Charles għaddej bl-aħħar irtokki fuq dawn id-dekorazzjonijiet u spjega kif b’kollox l-ballun għandu cirkonferenza ta’ sitt metri u huwa kollu kemm hu magħmul minn materjal ricikabbli.
“Materjal, kartun riċiklat, toilet rolls u glitters, il-ballun ħa xi tlett kilos glitters waħdu, u b’kollox total hawn mat-tletin elf biċċa.”
Il-President tal-Każin San Anard, Louis Zammit spjega kif dan huwa s-sabiħ tal-każin, li tara kif l-membri jibqgħu magħqudin u attivi tul is-sena kollha u mhux biss fix-xahar tal-festa.
“Li żżomm il-każin attiv s-sena kollha hija l-iktar challenge, u challenge kbir u tieħu pjaċir tagħmlu meta tara n-nies qed jirrikorru, tara d-dilettant qed jersaq lejn il-każin, joffri l-ħin tiegħu. Dan tajjeb li ngħidu huwa kollu ħin volontarjat, kollu wara l-ħin tax-xogħol li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal xi ħaġa li tkun ħdimt għaliha.”
Il-ballun u l-kannizzata se jkunu għall-wiri quddiem il-każin biex jitgawdew mill-pubbliku u waqt li l-ġurija tal-Malta Records se teżamina dawn id-dekorazzjonjiet.
Charles qiegħed jittama li s-sagrifiċċji kollha li għamel anke matul ix-xhur sħan tas-sajf għandhom iġibu magħhom sodisfazzjon kbir.
“Ilni minn Ġunju għaddej, kulħadd il-baħar u jiena l-garaxx għaddej bix-xogħol. Sodisfazzjon kbir. Enormi.”