Il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u l-flus li ġġenera fl-aħħar sitt snin qed jiswew mitqlu deheb fiż-żmien il-pandemija.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-IIP, Alex Muscat, spjega li fost oħrajn dawn il-flus qed jintużaw biex il-banek ikunu jistgħu jkomplu jagħtu self.
Muscat spjega li “dak kollu li faddalna mill-IIP, prattikament €600 miljun, dak huwa wieħed mill-fondi li qed nużaw biex nagħmlu tajjeb mal-banek biex dawn jgħinu u jwieżnu s-sitwazzjoni. Il-gvern, fid-diskussjoni li kellu mal-banek, uża dawn il-flus imfaddlin biex jagħmlu tajjeb mal-banek biex jagħtu s-self u n-nifs li hemm bżonn mal-familji u n-negozji tagħna”.
Dan mhux l-uniku mod kif il-Gvern qed jaħseb biex juża dawn il-flus għal għajnuniet speċifiċi lill-poplu, hekk kif il-Gvern se jagħti aktar flus u likwidità fil-kaxxa ta’ Malta “biex dawk il-flus jintużaw b’mod dirett fuq l-għajnuniet li qed nagħtu lil kulħadd. Infatti fix-xhur li ġejjin flok se nikkontribwixxu €30 miljun fil-kaxxa ta’ Malta, se nagħtu €80 miljun, jiġifieri €50 miljun aktar minn dak prevvist”, spjega s-Segretarju Parlamentari.
Dan se jgħin il-Gvern ikompli joħroġ b’miżuri li jagħtu wens lill-familji u l-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ sfida. Hawnhekk, qal Muscat, joħroġ l-għaqal tal-Gvern li fassal dan it-tip ta’ programm.
Muscat qal ukoll li “ħafna aktar pajjiżi Ewropej qed iħarsu lejn dawn it-tip ta’ programmi għax jafu kemm huwa utli li jkollok dawn il-programmi. Kif użajnih fl-aħħar snin u l-mod kif konna bilgħaqal kif nużaw dawk il-flus issa qegħdin f’pożizzjoni biex nagħmlu tajjeb f’ mument fejn tassew hemm bżonn”.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat innota kif il-kritika tal-Oppożizzjoni għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment issa nbidlet f’appell kontinwu biex il-Gvern juża’ dawn l-istess flus.
“Min l-ewwel ikkritikah, qed jiġi fuqna biex jgħidilna nużaw il-flus ta’ dan il-programm biex inkomplu nwieżnu l-ekonomija tagħna. Hemmhekk tara l-viżjoni li kellna meta fassalna l-programm, qed nagħmluha ċara li dan il-programm se jibqa’ u se nżommuh għax minnu ġid biss jista’ joħroġ”.