Ġurnalist ta’ One News safa fil-mira ta’ oħt il-blogger Daphne Caruana Galizia waqt laqgħa pubblika tal-Kunsill Lokali tal-Belt. L-attakk seħħ minn oħt Caruana Galizia li kienet preżenti għal-laqgħa li matula ġiet diskussa mozzjoni dwar tneħħija tal-fjuri fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-laqgħa pubblika bdiet għall-ħabta tas-6:30pm u żvolġiet f’diversi argumenti u f’ħin minnhom kunsillier li kien fuq il-mejda ġibed l-attenzjoni ta’ żewġ nisa minħabba kliem mhux xieraq li beda jingħad.
Kien hawn li l-cameras ta’ ONE News bħal dawk ta’ midja oħra, komplew jiffilmjaw l-andament tal-laqgħa.
Filmati miġbuda minn dan l-istazzjon juru biċ-ċar lil Helene Asciak, tinżamm milli tersaq lejn il-ġurnalist ta’ ONE News, iżda imbagħad tat is-salt u attakkat lill-ġurnalist.
Hija tidher anki tagħti daqqa fuq il-camera tal-mobile tal-ġurnalist ta’ ONE News.
Kif jixhed il-filmat, saħansitra l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier, beda joġġezzjona għax ONE News beda jagħmel xogħlu.
B’reazzjoni l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna l-mod kif il-ġurnalist ta’ One News ġie mfixkel milli jagħmel xogħlu waqt li kien qed jirrapporta l-andament tal-laqgħa pubblika tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Fi stqarrija l-IGM qal li kif juru filmati mxandra, il-ġurnalist kien qed jiffilmja bil-mobile tiegħu, meta f’ħin minnhom ġie mxekkel waqt il-qadi ta’ dmirijietu minn persuna li kienet preżenti fis-sala fejn kienet qed issir il-laqgħa.
L-IĠM tenna l-importanza tar-rispett lejn ix-xogħol tal-ġurnalisti mill-pubbliku, filwaqt li appella biex ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr ma jkunu f’riskju waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.