L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) laqa’ b’sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni tal-Gvern li jilqa’ l-proposti ewlenin li ressaq l-IĠM għall-Abbozz ta’ Liġi l-ġdid li titratta l-libell u l-midja.
Id-deċiżjoni tal-Gvern tħabbret fil-bidu ta’ laqgħa pubblika li saret il-Ġimgħa filgħaxija bis-sehem tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Ministru tal-Edukazzjoni s-Sur Evarist Bartolo u l-Avukat Ġenerali Dr. Peter Grech.
Il-laqgħa saret wara talba mill-IĠM lill-Gvern f’laqgħa oħra li saret fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar u li matulha tressqu proposti li kien ġabar l-IĠM mingħand il-membri u individwi oħra. Għaldaqstant, l-Istitut fi stqarrija innota b’sodisfazzjon li l-bidliet li kienu proposti mill-IĠM lill-Gvern mhux biss ġew kunsidrati iżda ttieħdet deċiżjoni favorevoli biex dawn isiru parti mill-emendi li jridu jsiru għall-Abbozz ta’ Liġi ġdid.
Dawn l-emendi għandhom iwasslu biex:
- Ma jkunx hemm il-bżonn jiġu reġistrati siti elettroniċi kemm dawk tal-aħbarijiet kif ukoll dawk li m’humiex.
- Il-midja tradizzjonali li tkopri pubblikazzjonijiet bħall-ġurnali, it-televiżjoni u r-radjijiet mhux se jkollhom bżonn jibqgħu jirreġistraw iżda se tkun biss għażla volontarja tagħhom.
- Is-sors se jkun protett. Dan mhux se jkun jgħodd biss għall-ġurnalisti kollha iżda wkoll għal dak li llum qiegħed jissejjaħ bħala citizen journalists.
- Ir-reġistratur, li jissemma fl-Abbozz ta’ Liġi, se jkun jista’ jirreġistra biss lil dawk li jagħżlu jirreġistraw fuq bażi volontarja, u se jopera f’entità li ma jkollhiex rabta diretta mal-gvern tal-ġurnata.
F’din is-sessjoni ta’ Q&A, l-IĠM appella ukoll lill-Gvern biex fiż-żmien li ġej, jintlaħaq ftehim biex:
- Titnaqqas il-piena finanzjarja f’każ ta’ ħtija ta’ libell u f’każ ta’ dikjarazzjoni apoloġetika. Dan minħabba li dak li qiegħed ikun propost fil-liġi l-ġdida, hemm qbil unanimu fost il-ġurnalisti, li l-massimu ta’ €20,000 u €7,000 rispettivament, huma għolja ħafna meta wieħed jikkunsidra l-qagħda finanzjarja tal-midja lokali.
Dan l-appell l-IĠM qiegħed jagħmlu wkoll fl-isfond tad-dikjarazzjoni tal-Ministru Owen Bonnici li lbieraħ filgħaxija qal li fejn jidħlu danni finanzjarji, il-Qorti jkollha l-poter li tara l-impatt finanzjarju li jista’ jkun hemm fuq il-ġurnalist kif ukoll l-entità li jkun qiegħed jirrappreżenta.
- Titneħħa kull referenza fil-liġi għar-rwol tal-Ministru. L-IĠM qed itenni dan hekk kif il-Ministru Owen Bonnici semma’ li dwar dan għad irid jikkonsulta iżda qal li qabel avviż legali jidħol fis-seħħ, ikun irid jiġi ppreżentat u approvat mill-Parlament.
Iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright stqarr li hija pożittiva ferm l-aħbar li ta l-Ministru Evarist Bartolo, li l-Gvern se jkun qiegħed jistieden lir-rappreżentanti tal-ġurnalisti biex ikun preżenti fil-Parlament u jieħdu sehem dirett meta l-liġi l-ġdida se tkun diskussa fi stadju ta’ Kumitat fil-Parlament.