Fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, ikkundanna kull tip ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti.
Wara l-każ li seħħ illum meta sar rapport lill-Pulizija fil-konfront ta’ ġurnalista waqt il-qadi ta’ dmirijietha f’post pubbliku, l-IĠM itenni li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom. Fost l-oħrajn ġurnalist huwa fid-dmir ifittex tweġibiet mingħand politiċi, mingħand persuni esposti politikament u minn uffiċjali pubbliċi, biex jagħtu kont t’għemilhom. Il-ġurnalist għandu d-dritt jagħmel il-mistoqsijiet li jħoss li għandu jagħmel fl-interess pubbliku.
L-istqarrija tgħid li fi żmien meta l-IĠM qed jaħdem biex jiġi dekriminalizzat il-libell kriminali, jistenna li l-ebda ġurnalist ma jkun mhedded bil-pulizija sempliċement għax ikun qed jagħmel xogħlu. Dan naturalment sakemm il-ġurnalist, b’xi skop ulterjuri, ma jkunx qed jagħmel xi assassinju tal-karattru meta jpoġġi l-mistoqsijiet tiegħu.