L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, ikkundanna l-aġir tal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Nathaniel Attard, meta waqt il-protesta quddiem il-Parlament fit-18 ta’ Novembru, waqqaf lill-ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, Nolan Camilleri, milli jwettaq dmiru hekk kif xtaq jagħmel mistoqsijiet ġustifikati lil Bernard Grech.
F’korrispondenza elettronika lill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, Josef Caruana, li minnufih fetaħ ilment formali mal-IĠM, ingħad li l-atteġġjament ta’ Nathaniel Attard ma kienx denju u qatt ma kellu jmiss lill-ġurnalist.
Fl-istess korrispondenza, il-President tal-IĠM, Matthew Xuereb, qal li kien hemm qbil li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jaħdmu b’mod ħieles u bla tfixkil.
Għaldaqstant, wara li wkoll ġew eżaminati l-filmati mibgħutin minn ONE News, l-IĠM wasal għall-konklużjoni li Attard qatt ma kellu l-jedd li jmiss lill-ġurnalist dak il-ħin u allura laqa’ l-ilment.
Il-President tal-IĠM żied jinnota kif se jkun qed isir kuntatt mal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex ikun mgħarraf formalment bl-ilment imressaq quddiem l-Istitut u jiġi mwiddeb li ma kellux jaġixxi b’dan il-mod.
F’korrispondenza sussegwenti, il-President tal-IĠM qal li ma kinitx se tinħareġ stqarrija pubblika dwar l-ilment. Minkejja dan, id-deċiżjoni kellha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-istess istitut.