Fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li hu fid-dmir li jibqa’ jiddefendi l-libertà tal-espressjoni u se jibqa’ jagħmel dan għaliex jemmen bis-sħiħ li dan huwa pilastru fundamentali tad-demokrazija fil-pajjiż.
L-istqarrija spjegat kif fl-aħħar jiem komplew jirċevew diversi rapporti ta’ ġurnalisti li ġew intimidati u attakkati fuq il-midja soċjali u anke b’mod dirett, b’rabta mal-qadi ta’ dmirijiethom.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fl-istqarrija qal li rċieva ilment mingħand Karl Stagno Navarra li għandu programm fuq l-istazzjon ONE fejn qal li l-bieraħ waqt li kien barra l-Parlament biex jieħu kummenti ta’ xi deputati, ħassu intimidat mill-Membru Parlamentari Beppe Fenech Adami. L-istess sar illum mid-Deputat Karol Aqulina, meta is-Sur Stagno Navarra mar biex jistaqsih mistoqsijiet barra il-Parlament. Fl-ilment tiegħu is-Sur Stagno Navarro qal li d-Deputati Fenech Adami u Aqulina għajjruh u attakkawh personalment b’gideb u insinwazzjonijiet.
L-istqarrija żiedet tgħid li filwaqt li l-IĠM mhux se jidħol fil-mertu speċifiku ta’ dak li qalu l-Onor Fenech Adami u l-Onor Aqulina li jinsabu ukoll ‘on record’ fi clips awdjo-viżiva li waslu għand l-IĠM, l-Istitut jikkundanna kull tip ta’ attakki personali li saru mid-Deputati maħsuba biex jintimidaw lill-membru tal-midja waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
L-IĠM saħqu li l-ebda deputat u uffiċjal pubbliku m’għandu jattakka personalment biex jevita li jwieġeb kwalunkwe mistoqsija. Min-naħa l-oħra d-deputati u l-uffiċjali pubbliċi għandħom id-dritt li ma jirrispondux jew jekk mhux f’pożizzjoni li jwieġbu dak il-ħin jiddikjaraw hekk.
Intant, l-istqarrija qalet li l-awtoritajiet jeħtieġ jieħdu azzjoni konkreta b’mod immedjat biex iwaqfu dan l-abbuż milli jibqa’ jseħħ. Nappellaw biex ma nħallux is-sitwazzjoni tibqa’ sejra għall-agħar u naġixxu meta jkun tard wisq.