Fil-kċina fejn qed jitħejja l-ikel għall-ballu annwali tal-qamar t’Awwissu, tiddomina l-aroma tal-ifjen u l-aktar ingredjenti friski li se jintużaw għall-ħames platti tas-serata tas-Sibt li ġej.
Il-kok Kevin Bonello preparalna l-ewwel platt, li jinkludi brunġiel, qarabagħli, bżar ikkulurit, ħass u kappar.
Huwa spjega li għall-platti l-oħra, intagħżlu ingredjenti b’kuluri vibranti u frott tal-istaġun.
Il-Kok Kevin Bonello stqarr, “It-tip ta’ Maltin li aħna nħobbu ross u għaġin. Did-darba għandna risotto bil-piżelli u l-ful. Imbagħad għandna l-fillet tal-beef ma’ textures differenti ta’ karotti u patata. Bħala ħelu morna fuq iċ-ċikkulata paired ma’ berries u mango għax il-Maltin inħobbuha ċ-ċikkulata, u nispiċċaw fl-aħħar biċ-chocolate truffles, u tipi oħra ta’ petit four.”
Jikkumplimenta l-ikel, se jkun hemm fost l-ifjen inbid Malti.
L-ispeċjalista tal-inbid Stefan Cassar, spjega li s-serata tibda b’inbid frizzante li huwa ideali għal xarba friska sakemm jibda jitqassam l-ikel, biex imbagħad mal-platti jiġi servut inbid abjad u aħmar.
“Abjad daqsxejn korpuż li jibbilanċja tajjeb mal-ikel imma li fl-istess ħin jibqa’ tajjeb għas-sajf għax is-sħana tagħmel tagħha allura jkollna dejjem dak il-bilanċ u wara ngħaddu għall-inbid aħmar li jmur iktar mal-main course billi għandna l-laħam huwa daqsxejn laħam aħmar iktar b’saħħtu u f’dal-każ għandna bżonn inbid aħmar.” Saħaq Cassar.
Dan il-ballu ilu jsir minn żmien il-Gvernaturi Ingliżi, u l-ħsieb wara l-ġurnata li fiha ssir is-serata huwa li jkun l-aktar Sibt qrib qamar kwinta, biex dak li jkun igawdi d-dawl sabiħ tal-qamar fuq wieħed mill-isbaħ Palazzi fil-gżejjer Maltin.
Iċ-chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu tal-Qamar t’Awwissu, il-Markeżin Daniel De Petri Testaferrata, qal li l-għażla tal-Verdala tmur paripassu mas-skiet tal-Imdina u l-madwar, u ż-żiffa ħelwa li jkun hemm f’dawn l-inħawi.
Il-Markeżin qalilna, “Is-sbuħija tal-palazz hija ħaġa li tgħaxxqek immensament. Ħaġa li ma tantx naraw Malta, hemm xi tnejn jew tlieta, kemmxejn iżgħar mill-Verdala, imma din hija unika.”
Huwa qal ukoll li dan ikun l-aħħar avveniment ta’ ċertu eleganza fl-istaġun sajfi.
“L-irġiel jiġu biċ-ċoff, in-nisa bl-ilbies twil, u hija organizzazzjoni li hija avveniment verament eleganti verament ta’ min jipparteċipa fih.” Ikkonkluda De Petri Testaferrata.
Bħal kull sena, l-avveniment se jsir b’riżq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.