Il-Prim Ministru Robert Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu dwar kif jimtela bil-kuraġġ meta jara tant żgħażagħ b’ideat studjati u profondi li jippreżentawhom fil-Parlament.
Waqt li qal li tali ideat u l-istess ħeġġa tal-istudenti juru kemm pajjiżna għandu futur sabiħ quddiemu, il-Prim Ministru tenna li dawn għandhom ikunu wkoll parti mill-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa dwar il-Viżjoni Malta 2050.
Dr Abela esprima dan waqt li attenda għat-23 edizzjoni tal-Ekoskola fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Hawnhekk elenka l-ħsibijiet, li ppreżentaw l-istudenti l-Ġimgħa filgħodu, inkluż dwar il-Viżjoni Malta 2050, u qal li dawn huma importantissimi, għax jirrappreżentaw il-fehmiet ta’ faxxa oħra mis-soċjetà tagħna.
“Kien hemm min semma l-Malta Vision 2050 u dak hu d-dokument li nixtieq li dak li tħaddittu dwaru llum, dawn id-dokumenti kollha li ppreparajtu llum iddaħħluhom fis-sottomissjoni pubblika li għandna issa għal-lejla, jiġifieri nixtieq li din is-sessjoni tal-Parlament tal-lum ma tiqafx hawnhekk, imma dak id-dokument li ħejjejtu b’mod tant metikoluż tiħduhom fil-konsultazzjoni pubblika ħalli meta, fit-tielet kwart ta’ din is-sena, ikollna d-dokument finali l-Malta Vision 2050 tkun qed tiddaħħal ġewwa fiha dak li ppreparajtu intom illum.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li, bħal kull ġenitur ieħor, hu jixtieq li l-ġenerazzjoni ta’ għada tkun aqwa minn dik passata u anke preżenti.

L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet preseduta mill-ġdid mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, li, fil-messaġġ tiegħu tal-okkażjoni, qal li l-Parlament jilqa’ mhux biss is-suġġetti magħżulin mill-istudenti biex jitkellmu dwarhom, imma wkoll is-suġġerimenti tagħhom.
Is-seduta kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, u l-Ministru tal-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, fost oħrajn.
Il-programm edukattiv tal-Ekoskola tnieda fl-2002 minn Nature Trust Malta, waqt li, sentejn wara, il-fażi finali tiegħu bdiet issir fil-plenarja tal-Parlament.
