Ideat ta’ negozju ġdid li jinbtu studenti fl-Università ta’ Salerno se jkunu jistgħu jiffjorixxu f’Malta grazzi għal ftehim bejn l-istess Università u l-aġenzija Malta Enterprise li se joħloq inkubatur għan-negozji f’Malta.
B’hekk, l-ideat tal-istudenti jew ta’ negozju internazzjonali ġdid se jkollu aċċess aħjar għall-għajnuna li toffri Malta Enterprise u għall-opportunitajiet li toffri l-klima ekonomika Maltija, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Kurt Farrugia.
Is-Sur Farrugia spjega: “Malta tkun hub għal dawn in-negozji, mhux neċessarjament mill-Università biss imma anke minn Universitajiet oħra li għandhom kuntatt ma’ dik ta’ Salerno, fejn dawn jiftħu l-ewwel uffiċċini tagħhom f’Malta u jikbru minn Malta.”
Ma’ ONE News Farrugia spjega wkoll li diġà ntwera interess għal dan il-hub f’Malta u fiż-żmien li ġej dawn se jibdew jiżirgħu ż-żerriegħa tagħhom f’Malta. Huwa fisser: “Kien hemm minn tal-anqas 10 ideat li ġew ippreżentati lil Malta Enterprise u t-tmexxija tal-Università f’livelli differenti. Kellna wħud li għadhom fil-bidu nett tal-idea u għadha qed tiżviluppa u oħrajn li huma żviluppati mhux ħażin, li ġew quddiemna u wrew interess li jiftħu l-ewwel uffiċċini tagħhom f’dan l-inkubatur f’Malta.”
Spjega wkoll li minkejja li għandha kuntatti tista’ tgħid mal-Ewropa kollha, l-Università ta’ Salerno sabet sieħeb ideali f’Malta: “Sabu f’Malta sieħeb ideali biex ikunu jistgħu, anke fid-daqs tagħha joħorġu l-ideat u jkunu jistgħu jikbru hawn Malta.”
Din il-kollaborazzjoni hija parti minn strateġija aktar wiesgħa li għandha l-ħsieb tattira aktar negozji lejn pajjiżna u toħloq opportunitajiet ġodda għan-negozji fil-Mediterran, fosthom b’emfasi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.
Is-Sur Farrugia stqarr: “Li jisgħu joħorġu minn Universitajiet, minn istituzzjonijiet ta’ riċerka. Dak huwa fejn irridu mmorru anke bħala strateġija ta’ pajjiż biex Malta ma tkunx biss post fejn tiftaħ l-operazzjoni u tesporta biss imma fejn l-ideat jiġu, jikbru u tista’ tesporta s-servizz jew prodott li tkun qed tiżviluppa f’Malta.”