Il-Fondazzjoni iDEAT, it-think tank tal-Partit Laburista f’dawn l-aħħar xhur imbarkat fuq proġett ambizzjuż, politiku u edukattiv, dak li tinfetaħ akkademja politika. L-għan ta’ din l-akkademja se jkun sabiex għall-ewwel darba f’pajjiżna jkun hawn ċentru ta’ studji politiċi li esklussivament joffri korsijiet f’diversi temi varji b’relazzjoni mal-politika għal dawk interessati li jwessgħu l-għarfien tagħhom fil-politika u dawk li qegħdin jaspiraw li jkun uta’ servizz fil-politika.
Għal dawn l-aħħar sitt snin kienet il-Fondazzjoni iDEAT li tat bidu għall-ewwel korsijiet ta’ formazzjoni politika bħall-kors YOU-Progress li għadu jiġi offrut sal-ġurnata tal-lum. Tul dawn l-aħħar snin il-kors evolva kemm fil-kontenut politiku kif ukoll pedagoġiku tiegħu. Dawn il-korsijiet dejjem kienu preżentati minn għalliema professjonali fid-diversi temi li dan il-kors indirizza. B’mod partikolari f’dawn l-aħħar sentejn il-kors YOU-Progress kiber fil-popolarità tiegħu, fejn għadd kbir ta’ studenti attendew għal dan il-kors u llum il-ġurnata bdew jimpenjaw ruħhom fil-politika b’diversi modi u oħrajn li għall-ewwel darba ikkontestaw elezzjoni tal-Kunsill Lokali kif ukoll dik tal-Membri Parlamentari Ewropej. Dan jindika l-popolarità u l-frott li provda dan il-kors tul dawn l-aħħar snin.
“Il-kors YOU-Progress se jkun qiegħed jerġa jiġi offrut din is-sena, biss se jkun Foundation Course fl-istudji politiċi li se jkun jista’ jwassal sabiex ikun entry-requirment għal Diploma in Political Studies li l-Fondazzjoni iDEAT qiegħda preżentament taħdem sabiex toffrih hekk kif l-akkademja politika tkun infetħet,” spjegalna Dominic Grech, Chairperson tal-Fondazzjoni iDEAT.
Infatti f’dawn l-aħħar xhur il-Fondazzjoni iDEAT ħasset il-bżonn li tintensifika din il-ħidma, fejn l-istess Fondazzjoni iDEAT isservi wkoll ta’ ċentru għal studji u xjenzi politiċi. “Wara diversi laqgħat u diskussjonijiet, imbarkajna fuq il-proġett tat-twaqqif ta’ akkademja politika bl-għan li taħt il-kappa ta’ din l-istess akkademja noffru għadd ta’ korsijiet f’livell ta’ Diploma u Degree b’relazzjoni ma’ temi politiċi bħax-Xjenzi Politiċi, il-Politika Soċjali, il-Politika Internazzjonali, l-Istudji Ewropej u dwar il-Kunsilli Lokali f’Malta,” spjega Grech.
Sabiex din l-akkademja tiġi mwaqqfa l-ewwel kien meħtieġ li jibda l-proċess sabiex din l-akkademja tkun reġistrata u l-liċenzjata mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Akkreditazzjoni ta’ korsijiet akkademċi, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Dan hu proċess kemxejn twil u burokratiku fejn preżentament it-tim inkarigat minn dan il-proġett qiegħed jaħdem fuq dokument li għandu jwassal sabiex l-akkademja politika tal-Fondazzjoni iDEAT tkun rikkonoxxuta b’liċenzja, filwaqt li l-korsijiet prospettivi li se jiġu provduti jkunu lkoll akkreditati. Dan iffiser li l-korsijiet offruti se jkollhom livell akkademiku minn MQF Level 5 ’l fuq, b’selezzjoni ta’ għalliema professjoanli li diġà sawru l-esperjenza tagħhom f’dan il-livell kif ukoll fl-Università ta’ Malta. “Il-pjan hu li fl-ewwel sena tal-operat tagħha, din l-akkademja toffri Ċertifikat u Diploma (MQF Level 5) rikkonoxxuti. Dawk l-istudenti li jtemmu b’suċċess dawn il-korsijiet se jkunu jistgħu japplikaw għal korsijiet oħra mhux biss li l-akkademja politika tal-Fondazzjoni iDEAT se toffri fil-futur qrib, iżda wkoll korsijiet oħra li jiġu offruti f’istituti edukattiv oħra kif ukoll fl-Università ta’ Malta,” qal Grech.
Kompla jfisser li eventwalment wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti ta’ dan il-proġett se jkun li jintlaħaq bilanċ bejn il-formazzjoni akkademika li joffru korsijiet ta’ dan it-tip, imżewqa bl-aspett prattiku, fejn l-istudenti li se jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet se jkollhom il-possibilità li jkollhom experjenzi on-the-job ma’ għadd ta’ Ministeri, Dipartimenti Governattivi, Kunsilli Lokali kif ukoll istituzzjonjiet Ewropej bħall-Parlament Ewropew. Dan sabiex il-politiċi tagħna ma jibbażawx il-preparazzjoni għal formazzjoni politika tagħhom biss fuq it-tagħlim akkademiku iżda b’esperjenza diretta.
“Aktar minn hekk l-għan aħħari se jkun sabiex il-Fondazzjoni iDEAT toffri pjattaforma ta’ edukazzjoni u formazzjoni politika bl-għan li ngħollu l-livell tar-retorika u l-argumentazzjoni politika f’pajjiżna. Dan jista’ jsir biss b’aktar opportunitajiet ta’ tagħlim imżewqa b’esperjenzi li jippreparaw b’mod aktar effettiv u komplut il-ġenerazzjoni politika ta’ għada,” temm Dominic Grech.