Wieħed mill-aqwa negozjaturi tal-Korea ta’ fuq wasal f’Washington biex jiltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Istati Uniti qabel dak li huwa possibilment it-tieni summit bejn Kim Jong-un u l-president Amerikan, Donald Trump.
Qiegħed jintqal li Kim Yong-chol, li vvjaġġa minn Beijing, qed iġorr miegħu ittra oħra minn Kim għal Trump.
Tul il-jum, huwa mistenni jiltaqa’ mas-segretarju tal-istat tal-Istati Uniti, Mike Pompeo.
Fil-preżent hemm spekulazzjoni li t-tieni summit mistenni jsir fil-Vjetnam.
Sa issa ftit li xejn sar progress fuq id-denuklearizazzjoni tal-Korea ta’ fuq mindu saret il-laqgħa storika f’Singapore f’Ġunju li għadda bejn Kim u Trump.