Imiss lill-assistent personali tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, Jeremy Gingell, li jabbanduna l-bastiment.
F’nota li bagħat il-Ħamis lill-eqreb kollaboraturi tiegħu fil-PN u lill-Kap innifsu, Gingell – li huwa magħruf bħala dak li Bernard Grech kien jafdah b’għajnejh magħluqa u li tah poter esaġerat fil-PN – kiteb li wasal iż-żmien li jitlaq (“The time has come for me to move on”).
Gingell kien qrib ħafna ta’ Bernard Grech fil-kampanja tiegħu biex tqaċċat minn postu Adrian Delia sabiex ikun jista’ jeħodlu postu. Ftit jiem qabel vot ta’ fiduċja fil-konfront ta’ Delia, kien kiteb fit-Times li l-Kap kellu jaspira għal appoġġ ta’ 90 fil-mija jekk irid li jkollu l-kontroll fuq il-Partit: mira li Bernard Grech ma rnexxilux jikseb fl-elezzjoni għall-Kap li saret f’Mejju li għadda.
Gingell kien ukoll ħaġa waħda ma’ Grech fil-kampanja elettorali li għaddiet, li wasslet għal-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta mill-Indipendenza ’l hawn.
Ir-riżenja ta’ Gingell waslet wara li telqu wkoll tnejn oħra qrib ħafna ta’ Grech u li kienu fost dawk l-aktar responsabbli mill-kampanja elettorali: Ray Bezzina u Chris Peregin.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li Gingell, Peregin, u Bezzina kienu ntgħażlu direttament minn Bernard Grech u daħlu fil-Partit b’ħafna pretensjonijiet kaġun tal-arja li tahom il-Kap. Tant hu hekk li s-sorsi tagħna komplew jgħidu kif huma ħolqu diżgwid sħiħ fost il kandidati u issa, wara l akbar telfa li ġarrab il Partit, qed jaħarbu ’l hemm wieħed wara l-ieħor u jaħsbu għal ġildhom.
F’Diċembru li għadda kien irriżenja wkoll id-Direttur tal-Informazzjoni, Alessandro Farrugia, li wkoll kien fdat ħafna minn Grech.
Is-sorsi tagħna qalulna li dawn l-iżviluppi kollha qed iwasslu biex Bernard Grech qed jispiċċa dejjem iżjed iżolat fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali u li ma jafx lil min jaqbad jafda fost il-baħħ li qiegħed kulma jmur jikber fid-Dar Ċentrali.