Bla dubju ta’ xejn jekk hemm partit politiku f’pajjiżna li kellu dejjem għal qalbu l-ħaddiem huwa l-Partit Laburista.
Huwa għalhekk li jien inħossni komdu f’dan il-partit. Ġej minn familja tal-ħaddiema u jiena minkejja li studjajt u avvanzajt, xorta waħda nikkunsidra lili nnifsi ħaddiem.
Mhijiex l-intenzjoni tiegħi li noqgħod nelenka s-sensiela infinita ta’ inizjattivi favur il-ħaddiem li ttieħdu fil-mitt sena kemm ilu mwaqqaf il-Partit Laburista għax nimlew volumi sħaħ ta’ kotba!
Se mmur lura, pero’, ftit snin fejn lejn l-2008 nibet f’pajjiżna l-fenomenu tal-prekarjat fejn ħaddiema jiġu mpjegati b’kuntratt definit u mħallsa bi ħlas miskin minn imprendituri u ditti ffukati biss fuq il-gwadann finanzjarju b’disrispett totali lejn id-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema.
Kien għaldaqstant ta’ sodisfazzjoni tisma’ lill-esponenti tal-Partit Laburista li qabel l-elezzjoni tal-2013 ddikjaraw li kienu se jidħlu bir-ras sabiex jeqirdu dan il-monstru li kien qed jgħakkes lill-ħaddiema.
Persważ li sar ħafna xogħol f’dan ir-rigward u ma nistax ngħid li ma sarx progress.
Imma fuq l-għatba tas-sena 2021, għadni niltaqa’ ma’ każi fejn ħaddiema ta’ kumpaniji partikolari għadhom qed jiġu ttrattati bħal skjavi fi żmien il-medjuevu.
Issib ħaddiema li meta japplikaw għal-leave jiġi rrifjutat għax il-kumpanija m’għandhiex biżżejjed relievers. Ħaddiema jippruvaw jikkomunikaw ma’ min hu responsabbli minnhom u jsibu l-bibien kollha magħluqin. Ħaddiema ma jistgħux jieħdu sagħtejn jew tlieta special leave imma jiġu obbligati jieġdu ġurnata sħiħa.
Biex tgħaxxaqha dawn il-ħaddiema lanqas Union m’hemm min tiddefendihom u minħabba l-limitazzjonijiet intellettwali tagħhom, lanqas ideja ta’ kif jissieħbu ma’ union m’għandhom.
Għaldaqstant min jimpjegahom jgħaddi romblu minn fuqhom u jilgħab bihom kif irid.
Possibbli li għandna gvern tal-ħaddiema fit-tmun tal-pajjiż? Għaliex għad għandna dawn iċ-ċirkostanzi u ma jiġux indirizzati?
Possibbli li se nibqgħu daqshekk lura biex ngħinu lill-iċken fost iċ-ċkejkin?