“L-Unjoni Ewropea għandha tassigura li l-istrateġija tal-biodiversità tagħha tipproteġi l-ekosistemi fl-ibħra Ewropej,’ qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer f’konferenza li ġiet organizzata minnu flimkien mal-MPE liberali Franċiża, Catherine Chabaud.
Din il-konferenza Ewropea ffukat fuq it-twaqqif ta’ ‘Ocean Framework’ ġdid, bil-għan li jservi bħala bażi biex jgħin lill-kumpaniji u l-industrija jkejlu u jillimitaw l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq il-baħar.
Engerer enfasizza l-irwol li għandhom l-ibħra biex l-UE timxi lejn il-miri tagħha fil-qasam tal-klima. Fisser ukoll kif il-baħar huwa essenzjali fit-transizzjoni ambjentali Ewropea. Huwa qal li dan huwa punt li ħafna drabi jiġi minsi mill-‘policy makers’, inkluż mill-Kummissjoni Ewropea meta ppubblikat l-Istrateġija dwar il-Biodiveristà 2030.
Engerer fakkar kif ħafna pajjiżi, speċjalment gżejjer żgħar bħal Malta, jiddependu fuq l-ibħra għall-bżonnijiet tagħhom fl-attività ekonomika ta’ kuljum. Il-baħar iservi għall-ikel, l-ilma, attivitajiet ta’ divertiment, kif ukoll attrazzjoni turistika – industrija li kkrollat kawża tal-pandemija tal-Covid-19.
F’dan il-kuntest, huwa enfasizza l-bżonn li nassiguraw s-sostennibiltà ekonomika ta’ dawn il-pajjizi, filwaqt li fl-istess ħin tingħata prijorità lill-biodiversità tal-baħar.