L-HSBC qed joffri moratorju ta’ tliet xhur fuq il-ħlas lura ta’ self fuq djar.
Din hija waħda minn sett ta’ miżuri li nieda l-bank għal dawk milquta mit-tixrid tal-coronavirus.
Il-bank qal li dawn il-miżuri jinsabu disponibbli immedjatament skont iċ-ċirkostanzi tal-klijent u l-kriterji ta’ eliġibbiltà.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Michel Cordina qal li hu evidenti li t-tixrid tal-COVID-19 qed joħloq tfixkil u hu importanti li bħala bank nkunu hemm biex nappoġġjaw lil dawk il-klijenti li jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ sfida.
Qal li l-HSBC hu impenjat li joffri l-kontribut sħiħ tiegħu biex jgħin lill-komunità u lill-ekonomija Maltija matul dan il-perjodu, filwaqt li se jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, jadatta aktar dawn il-miżuri.
Il-bank ħeġġeġ lin-nies jużaw is-servizzi bankarji fuq is-sistema diġitali u ntqal li nħoloq sitt apposta fejn wieħed ikollu iżjed tagħrif dwar il-miżuri t’għajnuna fuq www.hsbc.com.mt/covid.