Wara li l-Erbgħa filgħodu l-kumpanija HSBC Bank Malta plc qalet, fi stqarrija qasira, li informat lill-bord tad-diretturi tagħha li se tibda analiżi strateġika tal-ishma indiretti ta’ 70.03% li għandha fil-bank – indikazzjoni li biħsiebha ttemm l-attività f’pajjiżna – ONE News hu informat li l-bank tal-Knisja, l-APS, hu interessat li jixtri l-bank.
Esperti finanzjarji qalu lil ONE News li l-istqarrija tal-HSBC dwar ir-reviżjoni tal-operat tal-bank kienet indikazzjoni li, wara 25 sena, il-kumpanija mferrxa madwar id-dinja qed tikkunsidra li ma tibqax topera minn hawn, aktarx bħala parti minn ristrutturar internazzjonali f’numru ta’ pajjiżi.
Sadanittant, iżda, ONE News jista’ jiżvela, skont sorsi affidabbli, li diġà hemm diskussjonijiet li juru kif l-APS Bank hu interessat li jkabbar sew l-operat tiegħu, anke billi jieħu t-tmexxija kollha tal-HSBC Bank.
L-introduzzjoni tal-HSBC fl-1999, wara l-bejgħ kontroversjali u bir-ribass tal-Mid-Med Bank mill-Gvern Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami, rat it-trasferiment ta’ negozju tal-akbar bank kummerċjali lokali dak iż-żmien.
Dan hekk kif il-Mid-Med kellu b’kollox 60 uffiċċju u fergħat, inkluż f’Dubai, fil-Lussemburgu u f’Milan, waqt li 1,800 ħaddiem kienu rreġistrati miegħu.
Waqt li qal li jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandu fl-ekonomija lokali, l-HSBC iddikjara li l-aħbar tiegħu fl-istqarrija l-Erbgħa hi konformi mal-obbligazzjonijiet li għandu fis-suq u biex isostni l-funzjoni bla problemi tas-suq pubbliku.
Ingħad li l-bank se jkun qed jagħti aktar tagħrif kif u meta jħoss xieraq.