Il-Bank HSBC Malta ħabbar li għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ sbatax-il miljun u nofs ewro bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena.
Din hija żieda fil-qligħ ta’ ħmistax-il miljun u sitt mitt elf ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Il-bank qal li dawn ir-riżultati pożittivi kienu xprunati minn prestazzjoni tajba rrappurtata mill-kumpanija sussidjarja tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u telf mistenni minn kreditu iktar baxx.
Dan fir-rigward tal-portafoll tas-self tal-bank.
Il-bank irrappporta wkoll kif din is-sena l-HSBC Life Assurance (Malta) Ltd kellha qligħ ta’ erba’ miljun u mitejn elf ewro.
Dan b’kuntrast qawwi mat-telf ta’ kważi disa’ miljun ewro irrappurtat fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Dan it-titjib ġie kkawżat minn titjib fir-rediment u fis-swieq finanzjarji li jaffettwaw id-dħul.
Il-bank ħabbar kif madankollu l-bank ra tnaqqis fid-domanda ta’ self kummerċjali, użu fil-karti tal-kreditu u self personali li jirriżulta minn tibdil fl-imġieba tal-klijenti minħabba l-pandemija.