Il-bank HSBC żied il-qligħ fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Il-qligħ qabel it-taxxa sal-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ kważi 21 miljun ewro. B’hekk fl-ewwel sitt xhur l-HSBC għamel żieda fil-qligħ ta’ madwar 5 miljun ewro. Dan ifisser żieda ta’ 30% fil-qligħ meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Id-Direttur u Uffiċjal Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta p.l.c., Andrew Beane stqarr li “Dan hu sett ta’ riżultati tajbin hekk kif il-bank lesta b’suċċess it-twettiq tal-istrateġija tiegħu ta’ mmaniġġjar tar-riskju u issa qabad ritmu li, kull ma jmur, qiegħed jiżdied. Strateġikament, issa qed niffukaw fuq li nwasslu servizz ta’ klassi dinjija biex nappoġġjaw it-tkabbir”.
Fir-riżultati finanzjarji mħabbra, il-qligħ attribwibbli lill-azzjonisti ammonta għal 13.6 miljun ewro. Dan ifisser li kull sehem għamel qligħ ta’ 3.8 ċenteżmi. Min-naħa l-oħra, il-bank naqqas id-dħul li għamel mill-imgħaxxijiet b’madwar nofs miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena li għaddiet.