Il-Bank HSBC ħabbar pjan ta’ pensjoni għall-impjegati tiegħu, b’kollaborazzjoni mal-Union tal-Impjegati tal-Banek ta’ Malta, il-MUBE.
Il-ħidma fuq din l-inizjattiva ilha għaddejja għal din l-aħħar sena; biex il-pjan il-ġdid se joħloq mod effiċjenti biex l-impjegati jġemmgħu l-flus għall-irtirar tagħhom.
Il-pjan jinvolvi kontribuzzjonijiet mill-impjegati; bl-HSBC jagħti wkoll l-istess ammonti, filwaqt li se jkun żgurat li jinkisbu l-livelli ta’ kontribuzzjonijiet hekk kif miftiehma bejn l-HSBC u l-MUBE. Dawn imbagħad ikunu investiti permezz ta’ HSBC Life Assurance (Malta) Ltd, li jistgħu jirriżultaw fi tkabbir matul is-snin. Meta jirtiraw, l-impjegati jkunu jistgħu jużaw dawk il-flus disponibbli fil-pjan rispettiv tagħhom.
L-impjegati ta’ HSBC Malta se jirċievu aktar tagħrif dwar il-pjan tal-pensjoni permezz ta’ komunikazzjonijiet interni kif ukoll f’laqgħat li se jsiru fil-fergħat u fl-uffiċċji differenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta Andrew Beane qal li l-HSBC għandu għal qalbu l-benessere tal-impjegati tiegħu, inkluż il-benesseri finanzjarju tagħhom, u tenna li dan il-pjan se jgħin lill-impjegati jippjanaw kemm għal għada kif ukoll għal-lum.
Il-President tal-MUBE William Portelli esprima x-xewqa tiegħu li l-MUBE tippromwovi pjani simili f’organizzazzjonijiet fejn għandha rappreżentanza.