Fil-Ġermanja, il-bank internazzjonali HSBC iffirma ftehim biex ibigħ is-sehem tiegħu lill-bank Franċiż, BNP Paribas. Dan ġie rrapportat mill-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet, Reuters, fejn intqal li dan il-ftehim mistenni jitlesta sat-tieni kwart tas-sena d-dieħla.
Il-bank Franċiż qal li dan il-ftehim se jżid l-assi tiegħu b’aktar minn €40 biljun, waqt li l-Kap Eżekuttiv tiegħu, Vincent Lecomte, sostna li l-akkwist se jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ BNP Paribas bħala l-aqwa bank privat fiż-Żona Ewro.
Il-bank HSBC, f’dawn l-aħħar snin, beda jiffoka aktar fuq il-kontinent Asjatiku.
Riċentament, il-Grupp HSBC Bank Malta wkoll ħabbar li informa lill-bord tad-diretturi tiegħu li se jibda analiżi strateġika tal-ishma indiretti ta’ 70.03% li għandu fil-bank, indikazzjoni li biħsiebu jtemm l-attività f’pajjiżna.
Sussegwentement rapporti indikaw li kienu għaddejjin diskussjonijiet mal-bank tal-Knisja, l-APS, biex jinxtraw tali ishma, iżda l-HSBC ċaħad dan. Intqal li l-bank se jkun qed jagħti aktar tagħrif kif u meta jħoss xieraq.