Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-bank HSBC għamel profitt qabel it-taxxa ta’ €23.5 miljun.
Dan ifisser żieda ta’ sitt miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Fl-istess perjodu s-sena l-oħra, il-profitt ta’ qabel it-taxxa kien ta’ sbatax-il miljun u nofs ewro.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret b’mod virtwali, li fiha ġie nnutat l-irkupru li qed isir mill-pandemija.
Ħareġ kif, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, id-depożiti fil-kontijiet tal-klijenti żdiedu b’iżjed minn tliet mija u sittin miljun ewro milll-aħħar ta’ Diċembru li għadda.
Dwar dan intqal li, meta tqabbel Ġunju ta’ din is-sena ma’ Ġunju tas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ iżjed minn sitt mitt miljun ewro.
Dan filwaqt li s-self lill-klijenti naqas b’erba’ miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Il-bank qal li jinsab b’saħħtu anki għall-quddiem, anki permezz ta’ investiment multimiljunarju fil-kwartieri tal-bank f’Ħal Qormi.
L-HSBC faħħar il-progress li għamel pajjiżna, anki permezz tat-tneħħija ta’ Malta mil-‘lista l-griża’ tal-FATF.