L-HSBC Bank Malta rrapporta profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ €78.6 miljun fl-ewwel nofs tas-sena. Dan tħabbar fi preżentazzjoni mill-istess bank b’rabta mar-riżultati finanzjarji ta’ nofs is-sena.
Fil-fatt, l-HSBC innota kif dan l-istess profitt żdied b’€19.3 miljun, primarjament minħabba żieda fid-dħul marbutin ma’ rati tal-imgħax ogħla u rkupru ogħla ta’ kreditu, li kien parzjalment ikkumpensat minn spejjeż ogħla hekk kif il-bank kompla jinvesti.
Min-naħa l-oħra, id-dħul żdied b’€21.5 miljun jew 20% xprunat minn żieda fir-rati tal-imgħax u żieda ta’ 34% fid-dħul mill-kummerċ. Ġie rrapportat ukoll progress fid-dħul nett mit-tariffi u d-dħul mis-sussidjarja tal-assigurazzjoni.
Sadanittant l-ispejjeż kienu jgħoddu għal €6.6 miljun iżjed mill-istess perjodu fl-2023. Din iż-żieda kienet fil-maġġoranza relatata mal-investiment fin-nies, fit-teknoloġija kif ukoll fir-rinnovar tal-kwartieri ġenerali f’Ħal Qormi.
L-HSBC spjega wkoll li, matul l-ewwel sitt xhur, is-self lill-klijenti u d-depożiti kienu kemmxejn inqas minn dawk irrapportati fil-31 ta’ Diċembru 2023.
Self nett u avvanzi lill-klijenti ammontaw għal kważi tliet biljun ewro, tnaqqis ta’ €103 miljuni jew 3% meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 2023.
Il-portafoll ta’ investiment tal-bank żdied bi €394 miljun għal biljun u seba’ mitt miljun hekk kif il-bank investa f’assi għal żmien itwal biex b’mod strateġiku jħares kontra ċaqliq futur fir-rati tal-imgħax.
Il-kontijiet tal-klijenti kienu ta’ aktar minn sitt biljun ewro fit-30 ta’ Ġunju li għadda, tnaqqis ta’ €83 miljun jew 1.4% meta mqabbel ma’ tmiem l-2023.
Il-Kap Eżekuttiv tal-bank, Geoffrey Fichte, tenna kif, fl-għeluq tal-25 sena f’Malta, dawn ir-riżultati għall-ewwel nofs tas-sena jirriflettu u r-relazzjoni b’saħħitha mal-klijenti lokali mibnijin matul dawn is-snin kif ukoll is-suċċess kontinwu tal-istrateġija u t-tibdil mħabbar is-sena li għaddiet.
“We continue to invest in the future of our business. We are investing in our people, in our technology to improve our services and make banking easier for our customers. We are also managing the risk of our business very well. We have a very strong credit portfolio and we are very motivated by these results.”