Esperta oħra fl-inkjesta tal-isptarijiet bdiet il-proċess biex tagħlaq il-kumpanija tagħha. B’hekk, s’issa, huma diġà ħamsa l-kumpaniji ta’ esperti li, kumplessivament, tħallsu miljuni kbar mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li ngħalqu jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan.
L-aħħar esperta magħżula mill-Maġistrat Vella, li bdiet taħseb biex tagħlaq il-kumpanija tagħha, hi Jill Kennedy ta’ 52 sena, mill-Irlanda wkoll.
Kif jista’ jiżvela ONE News, Kennedy applikat biex tagħlaq il-kumpanija tagħha, bl-isem ta’ Athena Insights Limited, tlett ijiem biss ilu, nhar is-7 t’April.
Kennedy hi waħda mill-firmatarji tar-rapport finali, li ġie ppreżentat lill-Maġistrat inkwirenti fid-19 t’April tas-sena l-oħra.
Qabel inħatret bħala esperta mill-Maġistrat Vella, fuq parir ta’ Jeremy Harbinson, il-kumpanija ta’ Jill Kennedy kienet ukoll fi problemi finanzjarji. Teknikament kienet falluta, tant li ma kellhiex minn fejn tħallas lill-kredituri tagħha u lanqas kellha assi oħrajn li setgħu jagħmlu tajjeb għal dan.
Iżda, bħal oħrajn qabilha, il-ħbiberija ta’ Kennedy ma’ Harbinson spiċċat għamlet id-differenza finanzjarja kollha.
Harbinson ippropona lill-ħabiba tiegħu lill-Maġistrat Vella li, min-naħa tagħha, ħatritha bħala esperta fl-inkjesta fit-2 ta’ Settembru tal-2020 u ġiet salvata minn falliment.
Fil-fatt, mill-2021 sal-2024, ir-riżultati finanzjarji tal-kumpanjija ta’ Jill Kennedy tjiebu sena wara l-oħra, sakemm il-ħlasijiet mill-inkjesta baqgħu ġejjin.
Meta dawn waqfu, il-kumpanija reġgħet bdiet sejra lura u Kennedy issa trid tagħlaqha.
Esperti finanzjarji, li tkellmu ma’ ONE News, qalu li Kennedy qed tieħu l-prekawzjonijiet biex ma tesponix ruħha minħabba t-taħwid li ħiereġ mill-inkjesta. Dan anke jekk ir-responsabbiltà tagħha hi kbira, ladarba hi waħda mill-firmatarji tar-rapport ippreżentat lill-Qorti u, fuq il-bażi tiegħu, inħarġu sensiela twila ta’ akkużi mill-aktar serji kontra numru ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
L-istess esperti spjegawlna li Kennedy u sħabha huma obbligati li jagħtu raġuni soda għaliex issa qed jindikaw din il-biża’ mill-konsegwenzi ta’ dak li approvaw fir-rapport tagħhom li, fi kliem, Jeremy Harbinson hu “rapport ta’ kwalità”, kif iddikjara fl-affidavit li bagħat lill-Qorti fl-10 ta’ Frar li għadda.
Minbarra dik ta’ Kennedy, ONE News ukoll żvela l-għeluq ta’ erba’ kumpaniji ta’ daqstant esperti qabel.
Dawn Harbinson Forensics Ltd tal-istess espert ewlieni Jeremy Harbinson, The Fraud Company Limited ta’ Sam Sittlington, Rhinoconsulting AML Ltd ta’ Andy Coles u Churchill Fraud Solutions Limited ta’ David Churchill.