L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, l-GTA, għadha kif ippubblikat numru ta’ proposti bi tħejjija għall-baġit, li mistenni jitressaq mill-Gvern f’Ottubru li ġej, fl-interess tal-gżira Għawdxija.
Id-dokument bil-proposti, li jitrattaw għadd ta’ temi ewlenin, bħall-konnettività bejn il-gżejjer, l-ambjent u r-riżorsi umani, elenka u faħħar numru ta’ miżuri li ilhom is-snin jiġu implimentati mill-Gvern f’Għawdex.
Fost dawn, il-GTA ssemmi l-inċentivi lil min jiddeċiedi li jixtri proprjetà f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana, il-UCA, u jirrestawraha, waqt li għandha tiġi estiża għal postijiet oħrajn li nbnew wara l-gwerra, kif ukoll li jinbena parkeġġ taħt l-art fir-Rabat, kif diġà hu ppjanat bil-proġett tal-Victoria Park.
Semmiet ukoll kif għandu jissokta x-xogħol importanti fuq il-mitjar, waqt li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel, li attwalment hu mikri, ikun wieħed permanenti.
Minbarra hekk, qed tissuġġerixxi li jkun hemm tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul għal attivitajiet kulturali, bħal kunċerti, mużewijiet u wirjiet, minn 18% għal 7%.
Fuq l-istess tema, l-assoċjazzjoni qed tipproponi li jiġu identifikati żoni fix-Xlendi, fix-Xatt l-Aħmar u f’Ħondoq ir-Rummien fejn cruise liners jkunu jistgħu jiżbarkaw, fl-istess ħin li madwar il-kosta tal-gżira qed tissuġġerixxi periferija li tkun protetta.
Fil-konklużjoni tad-dokument tagħha, il-GTA stqarret li, minkejja ż-żieda qawwija li esperjenza Għawdex fit-turiżmu, tali miżuri għandom ikomplu jippromwovu lill-gżira lokalment u internazzjonalment.