Il-grawnd tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jkun jista’ jintuża mir-residenti ta’ Raħal Ġdid, wara ftehim bejn il-Kunsill ta’ Raħal Ġdid u t-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li kien ippresedut mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.
Il-Ministru Camilleri spjega li dan il-grawnd fil-qalba ta’ Raħal Ġdid qatt ma kien aċċessibbli għar-residenti, iżda b’kollaborazzjoni mal-kunsill, ġie maqbul li mhux biss jinfetaħ għat-tgawdija tal-pubbliku, imma wkoll jitgawda bla ħlas.
Tenna li dan hu wkoll mod kif l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tagħti lura lis-soċjetà, permezz tal-isport.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Chris Siegersma, fisser il-ftehim bħala li jippromwovi l-attività fiżika u jbiegħed iżjed persuni mill-vizzji.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Jason Silvio tenna li dan hu pass għaqli, wara talba li saret lill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
