Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar se jtella’ L-GĦODWA TAĊ-ĊITRU. Din is-sena, din l-attivita’ se tkun qed tiġi ospitata fil-ġonna u fl-għelieqi tal-kunvent tal-Patrijiet tal-Kapuċċini fil-Kalkara stess.
”Aħna xxurtjati li fil-komunita’ tagħna għandna l-Patrijiet tal-Kapuċċini. Sena ilu jien u l-gwardjan Bro Miguel Zammit tkellimna dwar il-ħsieb li fl-2024 din l-attivita’ titella’ fil-ġonna tal-Kunvent. Dan il-post huwa mill-isbaħ u għalhekk se tkun opportunita’ li bosta nies jżuruh f’attivita’ organiżżata mill-kunsill lokali, mhux biss għall-komunita’ Kalkariża iżda għal bosta oħrajn li jixtiequ jżuru r-raħal sabiħ tagħna u dan il-kunvent”
WAYNE AQUILINA – SINDKU TAL-KALKARAREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Waqt L-GĦODWA TAĊ-ĊITRU jsir bejgħ ta’ frott taċ-ċitru kif ukoll ħelu u togħmiet oħra, biċ-ċitru jkun l-ingredjent prinċipali. Fl-attivita’ se jkun hemm żona tat-tfal kif ukoll esebituri oħra fil-bitħa tal-kunvent.
Il-quddies fil-Knisja tal-Patrijiet tal-Kapuċċini, il-Ħadd ikun fit-8am u fl-10am, filwaqt li l-attivita’ se titella’ biswit il-Knisja, iġifieri fil-ġonna u l-għelieqi tal-kunvent, bejn id-9am u 1pm. Min se jattendi, jista’ jipparkja fi Triq Santa Liberata jew inkella f’kull post ieħor fil-Kalkara minn fejn jgħaddi t-transport pubbliku, għaliex il-Kunsill Lokali ħa ħsieb jorganizza xarabank li se tkun qed idur mal-Kalkara u tgħaddi minn kull bus-stop fir-raħal biex twassal lin-nies sal-Kunvent. Dan is-servizz se jkun b’xejn bi tluq ikun kull nofsiegħa miż-żona tal-Kunvent.
Intant, apparti L-GĦODWA TAĊ-ĊITRU, fil-Kalkara nhar il-Ħadd li ġej 21 ta’ Jannar se tkun qed titella’ ġurnata ma’ tal-films, b’open day f’Forti Ricasoli biex in-nies jaraw is-sett ta’ Gladiator u l-faċilitajiet tal-films fil-Kalkara stess u għaldaqstant din tista’ tkun opportunita’ sabiħa sabiex tgħaddi ġurnata mill-isbaħ fil-Kalkara stess,
”Il-Kalkara għandha x’toffri. Nhar il-Ħadd hija opportunita’ biex bosta Maltin u Għawdxin jagħmlu ġurnata magħna. Min jixtieq, jista’ jibda’ b’quddiesa fil-Knisja tal-Patrijiet tal-Kapuċċini, umbgħad jgħaddi ftit ħin fl-attviita’ organiżżata mill-Kunsill Lokali, L-Għodwa taċ-Ċitru li se titella’ fil-ġonna tal-kunvent u umbgħad minn hemm, tista’ taqbad trasport b’xejn li jwasslek sa Fort Ricasoli u l-Malta Film Studios. Il-ġurnata tista’ tkompli b’xi ikla f’wieħed mir-restoranti fil-Kalkara stess. Huwa l-gost tagħna li nilqgħu lil kulħadd fir-raħal sabiħ tagħna”
WAYNE AQUILINA – SINDKU TAL-KALKARA