Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jorganizza, għar-raba’ sena konsekuttiva, l-attività msejħa ‘L-Għodwa taċ-Ċitru’, b’bejgħ ta’ prodotti bnini Maltin, għana tradizzjonali u mużika folkloristika, nhar il-Ħadd li ġej mit-8:00 ta’ filgħodu ’l quddiem.
Wara r-riġenerazzjoni tax-xatt, din is-sena l-attività qed issir f’Misraħ l-Arċisqof Gonzi quddiem il-Knisja Parrokkjali.
Matul dan in-nofstanhar, se jiġu organizzati dawriet bid-dgħajjes tradizzjonali, li jwasslu lin-nies sa Bighi, il-Bajja tar-Rinella, il-Fort Rikażli u l-Port il-Kbir. Min irid jista’ jimxi għal ftit minuti biex jasal fil-ġonna ta’ Villa Portelli, li nfetħu riċentament grazzi għal Heritage Malta. L-attività se tinkludi żona wkoll għat-tfal.
Il-Kunsill Lokali pprovda wkoll xarabank tradizzjonali li, kull siegħa mit-8:00 ’il quddiem, twassal lin-nies mill-periferija tal-Kalkara lejn il-pjazza tal-attività.
Is-Sindku Wayne Aquilina ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur il-lokalità waqt ‘L-Għodwa taċ-Ċitru’.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook ta’ ‘L-Għodwa taċ-Ċitru’ jew dik tal-Kunsill.