Raġel ta’ 40 sena ngħata l-libertà proviżorja b’depożitu ta’ €150 u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro wara li wieġeb ħati li kkawża ġrieħi b’sikkina fuq is-sieħba tiegħu u binha.
Ir-raġel, li b’ordni tal-qorti ma jistax jissemma b’ismu ġie mixli li kkawża biżà fuq mara u l-familja tagħha. Huwa ġie mixli wkoll li hedded u kiser il-paċi pubblika wara li kellu argument mas-sieħba.
L-Ispettur Nikolai Sant spjega fil-qorti li minkejja li l-koppja kienu ilhom flimkien għal sitt snin, ir-raġel kellu diffikultà li jikkontrolla l-għira għas-sieħba tiegħu tant li wassaljha tagħmel żewġ rapporti kontrih fl-Għassa taż-Żejtun. Fl-aħħar rapport hija qalet li l-akkużat uża sikkina u li binha weġġa’ biha wara li pprova joħodielu minn idu.
L-akuvat difensur Peter Fenech, spjega lil Qorti li l-mara tal-akkużat kienet lesta li taħfirlu u li kienet ser tgħinu sabiex joħroġ minn din il-problema.
L-akkużat ammeta l-akkużi miġjuba kontrih u l-qorti ordnat li jitħejja rapport tal-kundizzjoni medika tar-raġel qabel tingħatalu s-sentenza.
Il-qorti tat il-liberta proviżorja lill akkużat b’depożitu ta’ €150 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti ordnat ukoll li r-raġel ma jagħmilx kuntatt mal-mara u li għandu jmur jgħix għand ommu sabiex jevita dan il-kuntatt.