Fi żmien il-festi u l-vaganzi tal-Għid il-Kbir ta’ din is-sena, il-lukandi u r-ristoranti f’Malta u Għawdex irreġistraw andament tajjeb ħafna.
Mijiet ta’ turisti li ġew għal btala f’pajjiżna f’dawn iż-żminijiet imlew il-kmamar tal-lukandi u qattgħu aktar minn lejl wieħed f’pajjiżna.
ONE News tkellem ma’ Norbert Grixti, Direttur Maniġerjali tal-lukanda Grand Hotel Excelsior, li spjega kif l-andament turistiku f’pajjiżna reġa’ beda miexi ’l quddiem.
Huwa qal ukoll li l-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, partikolarment fl-istaġun sħun tas-sajf, se jkunu pożittivi ferm għall-qasam turistiku f’pajjiżna.
Qal, “L-Għid kien tajjeb ħafna, kemm bħala occupancy fil-lukanda, kemm Maltin u anke barranin, u anke fejn jidħol ikel u xorb kien tajjeb ħafna… Il-bookings huma tajbin, bookings għas-sajf deħlin tajjeb ħafna.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għas-Sidien tal-Lukandi u tar-Ristoranti, l-MHRA, Tony Zahra, innota kif ir-ristoranti wkoll kienu mimlijin sa ruħ ommhom, partikolarment f’Jum l-Għid.
Qal, “Fejn jidħlu r-ristoranti, dawn mhux biss kellhom il-klijentela Maltija, illi dejjem tikkonkorri, imma kellna wkoll it-turisti li ġew hawnhekk. Ukoll, il-klijentela Maltija ma kellhiex daqshekk biża’ fuq il-Covid u allura l-perjodu tal-Għid kien tajjeb ħafna għar-ristoranti.”
Zahra qal ukoll li l-wasliet tat-turisti f’pajjiżna huwa u se jibqa’ jkun wieħed pożittiv li se jkompli jsaħħaħ il-qasam turistiku Malti, sors ewlieni għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Qal, “Jekk nitkellmu fuq turisti u arrivals, aħna qed nistennew li jkun hawn 75 fil-mija tan-numru li ġew fl-2019. Din is-sena kienet l-aqwa sena li kellna fl-istorja tat-turiżmu, li ġew 2.7 miljun turist ġo Malta.”