Il-finali tal-Ħadd tal-Kampjonat Ewropew bejn l-Ingliżi u t-Taljani se ġġib rivalità storika f’pajjiżna, li anke se twaħħal in-nies mas-settijiet tat-televiżjoni.
Din ir-rivalità storika bdiet permezz tal-kwistjoni tal-lingwa, bejn l-Ingliż u t-Taljan wara nofs is-seklu dsatax.
F’dan iż-żmien, Malta kienet f’idejn l-Ingliżi u dwar dan tkellimna mal-Istoriku Mario Coleiro.
Huwa spjegalna: “Fuq il-kwistjoni tal-lingwa kellek il-Gvern Kolonjali Ingliż mal-Maltin li kien jaqblilhom li l-Ingliżi joqogħdu hawn għax jaqblilhom riedu jġibu ambjent Ingliż fil-Mediterran għax kien l-unika post fil-Mediterran, fejn l-Ingliżi kellhom bażi tajba. Min-naħa l-oħra, imbagħad kellek dawk li kienu jemmnu li Malta hija Latina u allura għandha tkun marbuta ma’ Sqallija u l-Italja, allura kien hemm din ir-rivalità.”
Din il-kwistjoni bdiet hekk kif f’rapport dwar l-edukazzjoni ħareġ li għandu jidħol it-tagħlim tal-Ingliż fl-iskejjel.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Rjali tal-1878, primarjament immexxija minn Patrick Keenan wassal għat-twelid tal-partiti politiċi f’pajjiżna.
Malta kienet maqsuma, dawk favur l-Ingliż u dawk favur it-Taljan.
L-ewwel partit kien dak pro-Taljan, immexxi minn Fortunato Mizzi.
Il-partit kienu jismu Anti-Riformista, u kontrih kien hemm il-Partit Riformista ta’ Sigismondo Savona, b’Gerald Strickland kien kampjun ieħor favur il-kawża Ingliża.
Il-ġlieda kienet bejn it-Taljan u l-Ingliż fl-iskejjel, hekk kif il-lingwa Maltija kienet meqjusa bħala tal-kċina.
L-Istoriku qal magħna kif barra l-lingwa, kien hemm ukoll kwistjoni fuq il-monumenti f’pajjiżna.
Coleiro sostna: “Kellna stant wieħed jiġifieri fl-istorja, fejn min qed jagħmel monument ta’ Reġina Ingliża li qatt ma ġiet Malta. In-naħa l-oħra jkollok l-oħrajn qed jagħmlu monument ta’ Dante Alligheri. Jiġifieri għandek żewġ estremi li kienu kontra xulxin ħafna u damet it-tul ħafna l-kwistjoni tal-lingwa.”
Din il-kwistjoni ġiet fi tmiemha, hekk kif it-Taljani attakkaw lil Malta bil-bombi mill-ajru waqt it-Tieni Gwerra Dinjija iżda r-rivalità f’Malta fil-futbol bejn it-Taljani u l-Ingliżi għadha hemm u se tispikka iżjed fil-finali tal-Ħadd.