L-Għażżiela, simbolu Marjan magħmul bl-għaġina li żgur issibha f’ħafna djar u hi sinonima mal-lokal taż-Żebbuġ, Għawdex, biex il-Madonna tipproteġi lill-familji mis-sajjetti, spiċċat f’nofs kontroversja fl-aħħar jiem wara li artist żagħżugħ Għawdxi ddisinja ġojjellerija fuq din it-tradizzjoni reliġjuża.
Minn meta l-artist Għawdxi Daniel Formosa nieda u ppubblika filmati dwar il-kollezzjoni ‘Għażżiela’, l-Arċipriet taż-Żebbuġ Fr John Sultana minnufih ħareġ stqarrija ħarxa kontra din l-inizjattiva.
Is-saċerdot argumenta kif il-kollezzjoni ta’ Formosa kienet teħtieġ l-awtorizzazzjoni mill-parroċċa li jmexxi hu biex juża s-simbolu, xi ħaġa li l-artist ma ħassx li kellu jagħmel.
Fr Sultana qal kif il-mod profan, xejn xieraq u dinjituż, bi skop purament kummerċjali, li bih ġiet esposta l-Għażżiela, weġġa’ s-sentimenti tiegħu personali u tal-poplu taż-Żebbuġ li għandhom għal qalbhom dan il-patrimonju tar-raħal. Hu qal li se jieħu azzjoni b’responsabbiltà.
F’kumment ieħor fuq il-midja soċjali llum, l-istess Arċipriet reġa’ kkundanna dak li sejjaħ abbuż kontinwu mill-artist u disprezz lejn l-Għażżiela.
ONE NEWS ħa r-reazzjoni tal-artist involut, Daniel Formosa, li spjega kif l-uniku ħsieb li kellu żgur ma kienx li jżeblaħ id-disinn jew it-twemmin dwaru, iżda li jżomm b’mod ħaj dak li bdew l-antenati tagħna.
“Jien ma kont qed nagħmel xejn ħażin, anzi jien ix-xewqa tiegħi li affarijiet bħal dawn, tradizzjonali, jibqgħu ħajjin, jien mhux għall-flus. Affarijiet bħal dawn li n-nies forsi ma kinux jafu bihom, jibqgħu ħajjin.”
L-artist qal kif legalment m’għamel xejn ħażin, għax sal-ġurnata tal-lum ma kien hemm l-ebda copyright fuq l-għażżiela, iżda saħaq kif is-saċerdot qed ikompli jinsisti li jieħu xi forma ta’ azzjoni.
Formosa qalilna li qabel ma nieda din il-kollezzjoni ltaqa’ wkoll mal-qassis u sa dakhinar ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni min-naħa tiegħu. Hawn offra wkoll li, mill-flus li jiġbor, jagħti donazzjoni lill-parroċċa, liema offerta jirriżultalna li ġiet miċħuda.
Kienu anke bosta reazzjonijiet minn residenti taż-Żebbuġ u Għawdxin oħrajn, li qablu mal-Arċipriet, filwaqt li oħrajn qalu kif l-artist m’għamel xejn ħażin.