Id-data tat-3 ta’ Ġunju kienet ilha fuq fomm kulħadd sa mill-1 ta’ Mejju. Jum wara jum smajna b’dak li kellhom xi jgħidu l-partiti politiċi, biex l-elettorat għamel id-deċiżjoni tiegħu. Deċiżjoni li sarrfet f ’rebħa kbira għal Partit Laburista. Ikbar minn dik li kiseb l-istess partit erba’ snin ilu. Il-gazzetta KullĦadd analizzat dan ir-riżultat ma’ diversi persuni li segwew mill-qrib l-andament u l-proċess kollu elettorali.
Fl-ewwel ġimgħat tal-kampanja elettorali kien hawn is-sentiment li l-Partit Nazzjonalista ma qabadx art. Il-mistoqsija tiġi weħidha: dan il-partit inqabad fuq sieq waħda?
Albert Gauci Cunningham, l-editur tal-gazzetta Illum, sostna li filwaqt li jista’ jkun li ġiet qabel ma ħaseb il-Partit Nazzjonalista, “is-sorsi mill-Partit Nazzjonalista kienu qalulna li l-Partit Nazzjonalista ilu preparat għal din l-elezzjoni, fil-fatt mill-2014, ftit wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Jiġifieri għall-inqas mill-informazzjoni li kellna aħna jidher illi l-preparazzjonijiet għal din is-sena ilhom hemm. Il-fatti juru però li l-Partit Nazzjonalista ma kienx preparat għal kampanja elettorali li għadha kif għaddiet. Biżżejjed naraw il-fatt illi l-programm elettorali dam biex kien finalizzat, sa gimgħa qabel l-elezzjoni kien għadu mhux lest.”
L-editur tas-sit one.com.mt Janice Bartolo rrimarkat li iva nqabad fuq sieq waħda, iżda dan għax ma ħadimx bil-għaqal. “Ma kellux għalfejn jinqabad fuq sieq waħda, imma hekk għamel. Partit fl-Oppożizzjoni għandu kull opportunità li jevalwa lilu nnifsu, ħidmietu u kif se jkun f ’pożizzjoni li joffri Gvern alternattiv aħjar. M’għandux xogħol governattiv jew manifest elettorali xi jwettaq. Allura ma kellux għalfejn jinqabad, iżda hekk ġralu.”
Mhux tal-istess opinjoni il-Perit Michael Falzon, li qal li jidher li kollox kien preparat u pjanat. “Huwa ċar li s-slowgan u t-tema tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienu diġà deċiżi. Barra minn hekk, il-kampanja naħseb li bdiet bil-mod intenzjonalment biex tilħaq il-quċċata fil-ġimgħa tal-elezzjoni.”
L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika taw riżultati konsistenti u l-Prim Ministru Joseph Muscat gawda l-fiduċja ta’ dawk li wieġbu għall-mistoqsijiet ta’ diversi gazzetti li saru matul it- 33 jum tal-kampanja elettorali.
Minkejja dan kollu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil seta’ jirbaħ fit-3 ta’ Ġunju?
Għall-avukat Anna Mallia, dan ma seta’ qatt isir: “Le kont persważa li ma kienx se jirbaħ, għax inti ma tiġġilidx kampanja elettorali fuq il-piki personali. Ma tistax iġġorr partit fuq il-piki li jkollok għal dak li jkun, bħalma ġara.” Dan filwaqt li Michael Falzon qal li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kienu indikattivi sew: “Kien jidher ċar li Muscat kien b’mod konsistenti jgawdi aktar fiduċja minn Busuttil u għalhekk kienet tkun stramba ħafna li kieku Muscat tilef.”
Għal Gauci Cunningham, il-Partit Nazzjonalista kellu ċans. Biss dan intilef minħabba strateġija ħażina. “Iva naħseb seta’ jirbaħlu imma l-Partit Nazzjonalista kellu strateġija ħażina. Iktar milli mhux preparat, il-Partit Nazzjonalista iffoka fuq kwistjoni waħda u tkellem fuqha biss. Litteralment, ma ngħidx injora, l-importanza li ta lil kwistjonijiet li jolqtu lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum tpoġġew fuq wara.” Fl-istess waqt, l-isfida li offra Joseph Muscat kienet diffiċli mmens: “Imma inti kellek min-naħa persuna li kellu track record pożittiv, kellu erba’ snin fejn l-ekonomija tal-pajjiż kibret, fejn in-nies ħassew li issa huwa iktar biċ- ċar, li naħseb li r-riżultat elettorali juri bl-aktar mod ċar illi settur kbir tal-poplu kien filfatt qed iħoss il-benefiċċji talboom ekonomiku illi konna u għadna qed ngħixu fih. Dan għamel l-affarijiet iktar diffiċli għal Simon Busuttil.”
Il-mod kif mexa wkoll issemma minn Janice Bartolo. “Il-fatt li l-Prim Ministru stess iddikjara li l-Partit Laburista għamel żbalji, huwa indikattiv li ebda partit mhu perfett. Dażgur li seta’ rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Iżda nemmen li tant mexa ħażin, li l-Partit stess tilef din l-opportunità. Inkunu prużuntużi ħafna jekk ngħidu li partit fl-oppożizzjoni m’għandux ċans.” Iżjed minn hekk, fakkret li l-Partit filGvern dejjem għandu x’jitlef. Ma kienx il-każ din id-darba. “Nies li jħossuhom imweġġa’ se ssib dejjem. Nies li jemmnu li l-partit seta’ mexa’ aħjar se ssib ukoll. Għalhekk, il-partit fl-oppożizzjoni dejjem se jkun fiċ-ċans. Il-problema hi li Simon Busuttil ma ħadem qatt biex jikseb il-fiduċja li gawda minnha Joseph Muscat.” Fl-analiżi li għamlet ilgazzetta KullĦadd mal-persuni intervistati, tqajjem ukoll il-punt tal-proposti.
Proposti li skont Michael Falzon, ma kinux il-punt kruċjali tar-rebħa Laburista. “Ma naħsibx li l-proposti jrebbħu l-elezzjonijiet. L-elezzjoni tintrebaħ minn kemm il-partiti jirnexxilhom jispiraw fiduċja għal futur aħjar. Naħseb li kien hemm numru ta’ switchers ġodda li vvutaw PN fl-2013 u qalbu ghal PL fl-2017. Dawn huma negozjanti żgħar li normalment jivvutaw lill-PN u li sabu li taħt Muscat marru tajjeb finanzjarjament. Dawn pattew għas-switchers li marru lura u għal dawk li ma kinux ivvutaw fl-2013 u vvutaw PN fl-2017.”
Albert Gauci Cunningham ukoll għamel referenza għal dak li nkiseb f ’dawn l-aħħar erba’ snin. “Jiġifieri inti ma tistax taqbad il-proposti jew il-wegħdiet jew il-biżat ta’ qabel l-elezzjoni u taqlahom mill-kuntest. Muscat, fejn jidħlu proposti, kien kredibbli għax fl-aħħar erba’ snin wettaq dak li wiegħed u għaliex flaħħar erba’ snin wera li huwa mingħajr ebda dubju, u dan ħadd ma jiddubitah qas il-Partit Nazzjonalista stess, li huwa finanzjarjament u ekonomikament Gvern mill-aktar kompetenti. Allura n-nies jemmnu l-proposti.”
Kemm huma fattibbli l-proposti wkoll huwa punt tat-tluq li wieħed għandu jikkunsidra sew qabel issir l-għażla. Punt li fuqu aċċennat Janice Bartolo. “Għax mhux imbilli bniedem jiddikjara li se jagħmel xi ħaġa. Din teħtieġ li tkun spjegata: kemm tiswa, meta se ssir, kif se ssir. Allura nemmen li kienu biss dikjarazzjonijiet li għamel il-PN, u mhux proposti. Simon Busuttil stess qalha, u prova jiġġustifika ruħu billi qal li huma biss il-prinċipji li jgħoddu. Ma jistax ikun toħroġ bi proposta, bħal m’għamel il-Partit Nazzjonalista, u tgħid li se tispjegaha ladarba tiġi elett. Ma tistax toħroġ bi proposti li meta taħdimhom matematikament, issib li se jdaħħlu lill-pajjiż fi kriżi finanzjarja.”
L-avukat Anna Mallia semmiet punt li ma ssemmiex mill-persuni l-oħra. Punt kruċ- jali biex il-messaġġ tiegħek jasal. “U juru wkoll li l-messaġġ wasal iktar għax inti mhux biss li jkollok il-proposti imma li twassalhom. Inutli jkollok il-proposti u ma twassalhomx għand il-persuna tat-triq.” B’distakk kbir bejn iż-żewġ partiti, l-ikbar distakk li qatt inkiseb f ’elezzjoni ġenerali sa mill-Indipendenza ’l hawn, bla dubju jkun hemm numru ta’ messaġġi li wieħed jista’ jinterpreta.
Għall-editur ta’ one.com.mt Janice Bartolo, il-messaġġ ewlieni kien dak ta’ fiduċja f ’Joseph Muscat għax-xogħol li sar flaħħar erba’ snin: “Il-messaġġ hu li l-poplu qed iħoss li Malta sejra aħjar milli kienet erba’ snin ilu. Meta bniedem mar jivvota, ħass li hu jew familtu marru aħjar, li l-pajjiż avvanza, u li għandu aspirazzjonijiet li jkompli jimraħ fit-tip ta’ tmexxija li kellna taħt amministrazzjoni Laburista. Il-messaġġ kien li bin-negattività, ma tasalx. Li l-attakki personali, it-tfigħ ta’ tajn, u n-nuqqas ta’ pjan ċar għall-pajjiż ma setgħu qatt iwasslu partit biex jirbaħ.”
L-editur tal-Illum Albert Gauci Cunningham sostna li r-riżultat juri li l-poplu Malti u Għawdxi mhux jemmen lil Partit Nazzjonalista: “Il-messaġġ huwa ta’ sfiduċja kbira fil-Partit Nazzjonalista. Jien naħseb li dan ir-riżultat huwa l-akbar ċertifikat ta’ sfiduċ- ja li qatt qala’ partit mill-Indipendenza ’l hawn. Mhux biss numerikament imma anke moralment, għall-Partit Nazzjonalista huwa agħar mill-aħħar elezzjoni. Bla dubju li l-ewwel nett id-distakk huwa ikbar, it-tieni nett huwa l-Gvern li jitlef il-voti mhux l-Oppożizzjoni fiċ-ċiklu normali. Naħseb il-messaġġ huwa li l-poplu qed jgħid lill-Partit Nazzjonalista li għandu bżonn iġedded lilu nnifsu.”
Messaġġ differenti u kemxejn kontrastanti wasslu l-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Michael Falzon: “Il-messaġġ ewlieni kien li l-elettorat jinteressah l-aktar il-benessere u lest jagħlaq għajnejh għan-nuqqasijiet talGvern jekk hu jkun qed jgħix tajjeb.” Anna Mallia għamlet referenza għal dawk li ma ġewx eletti, u saħqet kif dan juri li n-nies ma jinsewx lil dawk li ma jiftakrux fihom: “Imma l-fatt li ma ġewx eletti ċertu kandidati li ma kinux fil-kabinett bagħat messaġġ b’saħħtu ħafna. Jew dawn in-nies ma kinux qed jaqdu n-nies, li nsew in-nies tagħhom. Bagħat messaġġ ħafna u jien nagħmel appell biex kull min ikun u kull min tela’ fil-Parlament ma jinsiex il-votanti li vvutawlu. Ma jagħmlux bħal Comodini Cachia li vera daħqet binnies tagħha aħseb u ara kemm tidħak bin-nies li mhumiex tal-kulur politiku tagħha.”
Iżda Albert Gauci Cunningham appella biex il-Partit Laburista jżomm saqajh mal-art minħabba numru ta’ votanti partikolari li vvutaw lill-istess partit minħabba li m’hemmx alternattiva kredibbli. “Kellek settur kbir ta’ nies illi vvutaw fl-aħħar ħin, iddeċidew flaħħar, li ovvjament ikkonsolidaw id-distakk. Huwa importanti li anke l-Partit Laburista goes to the drawing board u jara għalfejn kellek eluf ta’ nies li vvutaw b’nofs qalb u fl-aħħar ħin.
Speċjalment kellek ħafna nies għax m’emmnux li l-alternattiva hija tajba biżżejjed. Dik tajba għal mument però mhux sostenibbli għat-tul għaliex jekk il-Partit Nazzjonalista jieħu t-tagħlima u jġedded lilu nnifsu, imbagħad il-Partit Laburista jkollu l-problemi għax dawk li vvutaw ta’ bilfors jibdew jaraw li vera hemm alternattiva. Din ġrat lill-Partit Nazzjonalista fl-2008 u għax ma semax, il-Partit Nazzjonalista ġarrab telfa kbira.”