L-għażla hija ċara, waħda li tmur fl-għeruq tat-tmexxija tal-pajjiż. Bejn persuna serja u kredibbli li hu Joseph Muscat u minn naħa l-oħra Simon Busuttil, li jippersonifika l-inkompetenza, il falsità, u li jrid jitfa lill-Prim Ministru l-ħabs.
Dan qalu d-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona, waqt mass meeting f’Ħaż-Żabbar.
Cardona fakkar li Busuttil qal dwar bailout u llum hawn l-aqwa surplus li qatt kellu l-pajjiż. Qal li qed jara l-bozoz ħomor u kellna l-ikbar tkabbira fl-ekonomija ta’ Malta u Għawdex. Qal li se jkun hemm in-nies jirreġistraw. L-unika nies li qed jirreġistraw huma tal-istamperija.
Qal li l-labour fil-Gvern, idaħħal lill-pajjiż ġo ħajt. L-unika ħajt li dħalna fih huwa l-ħajt li kisser Joseph Muscat tal-fabbriki Maltin u Għawdxin, għax ġab l-ikbar ammont ta’ invetsiment dawn l-aħħar snin. “Lesti nkomplu nimxu fit-triq ta’ dan il-mexxej li ġab it-tolleranza f’dan il-pajjiż” qal Cardona. “Aħna rridu pajjiż li juri li Malta hi tal-Maltin kollha, tal-Għawdxin”. Tkellem dwar Malta ottimista, Malta li trid is-suċċessi, u għalhekk importanti l-fiduċja f’Joseph Muscat.