Ir-raħal t’Għajnsielem se jgħix l-istorja tan-natività għall-għaxar darba hekk kif għal sena oħra se ssir l-attività Bethlehem f’Għajnsielem.
Il-moħħ wara l-proġett Franco Ciangura spjega li dik li għaxar snin ilu kienet biss ħolma, illum żviluppat f’villaġġ li jieħu lil dak li jkun lura fiż-żmien; b’kunċett tat-tradizzjonijiet u kultura Maltin u Għawdxin.
Qal li xprunat mis-suċċess ta’ kull sena, dejjem jara li jkun hemm attrazzjonijiet ġodda, biex speċjalment dawk li jmorru kull sena, ikollhom esperjenza unika.Is-Sindku Granco Ciangura qal “Din is-sena mhux b’inqas se nniedu attrazzjoni fejn aħna bnejna arena fejn se jkollna animat reinactments f’ħinijiet speċifiċi biex dak li jkun jagħmel esperjenza magħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis innota li filwaqt li attivitajiet bħal dawn jippromwovu l-aspett tradizzjonali u reliġjuż, huma wkoll xhieda ħajja tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
Parnis qal “Nistieden lill-Maltin u Għawdxin biex jattendu għal dan l-avveniment tant sabiħ li huwa xi ħaġa kulturali fil-gżira Għawdxija u xi ħaġa tajba li tkompli ssaħħaħ it-turiżmu fil-gżira Għawdxija.”
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nnotat li Bethlehem f’Għajnsielem hija biss waħda minn għexieren t’attivitajiet li jiffurmaw il-proġett “Christmas in Gozo”.
Caruana qalet li “Il-Ministeru għal Għawdex jifhem u jirrealizza l-potenzjal ta’ dan il-proġett u allura rridu nivvalorizzawh biex ikompli jikber u jespandi.”
L-għaxar edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem se tiftaħ il-bibien tagħha nhar il-Ħadd disgħa ta’ Diċembru u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd sitta ta’ Jannar.