Ir-rebbieħa ta’ Grammy Award din is-sena, Julian Marley & the Uprising, flimkien mal-kantant rinomat Ronan Keating se jkunu fost dawk li se joffru spettaklu grandjuż fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-ewwel Għaxaq Music Festival li ġie organizzat u sena wara oħra baqa’ dejjem jikber u jattira eluf kbar ta’ persuni.
Il-festival din is-sena, li jiftaħ nhar l-Erbgħa 24 ta’ Lulju, qed ikun meqjus bħala l-akbar wieħed fl-istorja tiegħu.
L-ewwel stilla, li se tpaxxi lill-udjenza, hu Julian Marley u l-band tiegħu, li tispeċjalizza fil-mużika reggae. Attwalment Marley & The Uprising qed igawdu mis-suċċess tal-album tagħhom ‘The Colours of the Royal World’.
Sussegwentement, is-Sibt 27 ta’ Lulju, ikun imiss lill-artist rinomat Ronan Keating li, flimkien mal-band tiegħu, se jiddeverti lil kulħadd bi spettaklu ta’ mużika differenti, waqt li bħala supporting act se jkollu lill-kantant-kompożitur Malti Shaun Farrugia.
F’kummenti lil ONE dwar din l-opportunità, Farrugia spjega li din hi ħolma li se ssir realtà għalih.
Ronan Keating hu idolu għalija. Id-diski li kiteb u kanta huma kollha kbar li jien nixtieq ikolli ċ-cans li nikteb diski bħalma kiteb hu. Il-fatt li għandi ċ-ċans li nkanta fl-istess kunċert miegħu hi opportunità wisq sabiħa, li ma stajx ngħid le.
Shaun Farrugia, kantant
L-Erbgħa, 31 ta’ Lulju, l-Għaxaq Music Festival se jippreżenta lit-tribute band imfittxija madwar id-dinja Brit Floyd, li se jkunu Malta għall-ewwel darba u ġejjin bħala parti mit-tour tagħhom bl-isem ‘Pulse 2024’. Il-grupp magħruf għall-interpretazzjonijiet perfetti tal-mużika tal-Pink Floyd, se jkun ukoll akkumpanjat minn iben Roger Waters, il-keyboardist Harry.
Dawn it-tliet kunċerti se jsiru fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq u l-biljetti jinkisbu minn fuq showshappening.com.
Minbarra hekk, fis-7 u t-8 t’Awwissu l-festival se jerġa’ jmur lura minn fejn beda, jiġifieri quddiem il-Knisja ta’ Ħal Għaxaq.
Waqt li fis-7 t’Awwissu se jkun hawn The Bootleg Beatles, li hi wkoll l-unika tribute band approvata mil-leġġendarji The Beatles infushom, l-għada il-grupp lokali Tribali se jkunu qegħdin jagħlqu l-festival kollu kemm hu.
Fl-aħħar ta’ kull kunċert se jieħdu sehem ukoll DJs lokali, bħal Pierre Cordina, DJ Sue, Carlo Gerada u oħrajn.
Il-Ministru responsabbli mill-kultura, Owen Bonnici, stqarr kemm hu importanti li jingħata lok u spazju anke lill-artisti Maltin ma’ dawk ta’ fama internazzjonali.
Dan il-festival qiegħed jagħti opportunità mill-isbaħ biex niċċelebraw it-talent Malti, imma anke talent internazzjonli. Però l-aktar ħaġa importanti li dan l-festival magħmul minn ħames kunċerti għandu għan nobbli, dak li jiġbor fondi għal NGO Embrace li tant tagħmel ġid mat-tfal. Aħna nemmnu li l-kultura tagħti ħafna benefiċċji lis-soċjetà mhux biss li tagħti pjattaforma lit-talent Malti biex jesebixxi dak li hu kapaċi jagħmel u anke t-talent barrani, imma wkoll tgħaqqad lill-poplu u ġġibu flimkien.
Il-Ministru Owen Bonnici