Il-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar l-għażla tal-aħħar żewġ atleti oħra li se jingħaqdu mal-kontinġent Malti għal-Logħob tal-XXXIII Olimpijadi f’Pariġi, skedati mis-26 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awwissu.
L-għawwiema Sasha Gatt, se tkun qed tikkompeti fit-tieni Logħob tagħha, wara li kkompetiet f’Tokjo fl-2021 fejn kienet waħda mill-iżgħar atleti f’kontinġent Malti f’dawn il-Logħob. Gatt ilha turi konsistenza, fl-avvenimenti tal-1500m, 400m u 800m freestyle, fejn reċentement kisbet żewġ season bests fl-avveniment tal-400m freestyle fil-Kampjonati Elite Franċiżi u wkoll kisbet l-ewwel post u seasonal best fl-avveniment tat-800m freestyle waqt il-Mare Nostrum Swim Tour 2024 f’ Barċellona. Hi ser tkun qeda tikkompeti fil-1500m freestyle.
Jingħaqad ma’ Gatt fil-Pariġi La Défense Arena se jkun Kyle Micallef, li jagħmel id-debutt tiegħu fil-Logħob Olimpiku. Micallef li bħalissa qed jistudja fl-Istati Uniti, Micallef waqqaf rekord nazzjonali fil-50m freestyle b’ħin ta’ 22.80 fil-Kampjonati Ewropej tal-Akwatiċi f’Belgrad aktar kmieni din il-ġimgħa. Micallef ser jikkompeti fil-50m freestyle
Gatt u Micallef se jingħaqdu mit-tiratur Gianluca Chetcuti, l-judoka Katryna Esposito u l-atleta Beppe Grillo.
Id-Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti Charlene Attard enfasizzat li dawn l-atleti urew prestazzjonijiet konsistenti fit-tħejjija tagħhom għall-għażla potenzjali għal-Logħob ta’ Pariġi u li għenet fl-għażla tagħhom permezz tal-programm Universality Places, li huwa assenjat mill-Kummissjoni Tripartita tal-Logħob Olimpiku.
Il-kriterji tal-għażla kienu jinkludu l-esperjenza kompetittiva internazzjonali tal-atleti, il-livell tekniku, u l-impenn li jikkwalifikaw għal-Logħob Olimpiku billi jipparteċipaw fl-avvenimenti ta’ kwalifikazzjoni rilevanti.
Il-kontinġent tal-Kumitat Olimpiku Malti f’Pariġi huwa appoġġjat minn Olympic Solidarity, Sport Malta, NDSF u APS Bank.