L-ansjetà waqt l-għawma ta’ Michelle Muscat, minn Wied il-Għajn sal-Port il-Kbir, kienet doppja għat-tabib Deo Debattista meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Stqarr magħna li kien il-ħin kollu għajnejh fuqha f’każ li jiġrilha xi ħaġa f’sens ta’ saħħa. Iżda kien anzjuż ukoll minħabba li fl-inħawi jkun hemm ħafna ħut kbir.
Fatt li qalilna ma tkellimx dwaru ma’ Michelle Muscat, li kellha rieda liema bħalha li tagħmilha. Waqt l-għawma tas-sinjura Muscat, Deo Debattista assista flimkien mat-tabib tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Kien hemm sfidi oħra li forsi lbieraħ min segwa ma kienx konxju tagħhom. Waħda minnhom hija l-ammont ta’ bram li kien hemm.
It-tabib iddeskrivihom bħal donnhom faqqiegħ kbir li setgħu kienu ta’ periklu. Spjegalna wkoll li t-tip ta’ ħwejjeġ li kellha Michelle Muscat hi u tgħum kienu maħsuba għal dawn it-tip ta’ intoppi wkoll.
Problema oħra kienu l-cruise liners.
Deo Debattista spjega li ħareġ wieħed fil-17:30 u ieħor kellu joħroġ fis-18:00, iżda dan dam ftit ma ħareġ. Kienet kwistjoni ta’ dewmien ta’ ħames minuti. Iżda dan fisser li kull darba s-sinjura Muscat kella tgħum ‘l barra sakemm jgħaddu dawn il-cruise liners, imbagħad tkompli bir-rotta tagħha.
Il-parir tat-tabib lis-sinjura Muscat huwa li llum għandha tistrieħ, tiekol ħafna frott, tixrob ħafna ilma u tieħu sustanzi. Spjegalna li għawma bħal dik tfisser impenn fiżiku kbir f’diversi partijiet tal-ġisem, bl-aktar ovvji jkunu l-muskoli u l-pulmun.
Spjegalna li s-sinjura Muscat kellha dieta speċjali li tikkonsisti f’ħafna karboidrati, li huma importanti għall-enerġija. Saħaq li għandha tibqa’ b’din id-dieta.
Pero’ qalilna wkoll li s-sinjura Muscat hija kapaċissima fl-għawm, tant li minn mindu bdiet it-taħriġ sa meta għamlet l-għawma l-bieraħ, irnexxielha tnaqqas il-ħin b’madwar nofs. “Biex tagħmel għawma ta’ dak it-tip irid ikollok nifs tajjeb ħafna,” spjega t-tabib.
Żied jgħid li kienu armati sew għal kull eventwalità, f’każ ta’ problemi ta’ saħħa. Jirriżulta iżda li dawn it-tip ta’ problemi qamu biss fost il-crew tal-filming, li ħafna minnhom irritornaw l-art għax ma felħux għaċ-ċaqliċ tal-baħar li kien pjuttost imqalleb.
Ritratt: Daniel Balzan