Għawdex qed jara aktar investiment fil-qasam tas-saħħa, hekk, kif kien imwiegħed, issa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hu attrezzat ukoll b’MRI, apparat tal-ogħla kwalità u mill-iżjed importanti għal testijiet li jkunu jeħtieġu diversi pazjenti.
Dan se jfisser li issa l-Għawdxin mhux se jkollhom għalxiex iżjed jaqsmu l-fliegu, b’bosta drabi kmieni filgħodu, biex jagħmlu dawn it-testijiet fl-Isptar Mater Dei.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attivà, Jo Etienne Abela, permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali fejn ippubblika r-ritratt ta’ din il-magna l-ġdida li sabet f’posta fl-Isptar fir-Rabat, Għawdex.
Fil-fatt din l-aħbar intlaqgħet minn bosta Għawdxin, li fissru dan il-pass bħala wieħed ferm pożittiv għal dawk li mil-lum ’il hemm mhux se jkollhom iżjed bżonn li jagħmlu t-test f’Malta.
Dan l-investiment seta’ jsir wara li, f’Settembru tas-sena l-oħra, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, dakinhar Ministru għas-Saħħa, ħareġ it-tender għal din il-magna.
Ċifri, li kien żvela dan l-istazzjon, juru kif madwar 3,000 Għawdxi fis-sena jkollhom jagħmlu MRI f’Malta u għalhekk issa dawn se jibdew jagħmluh f’Għawdex stess.
Kif spjega l-Ministru Abela, dan hu biss wieħed minn għadd ta’ investimenti li qed isiru biex ikomplu jsaħħu s-settur tas-saħħa fil-gżira Għawdxija. Fost l-oħrajn, fakkar fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex, li beda jaqdi l-ħtiġijiet tal-Għawdxin bl-aktar mod professjonali, f’ambjent modern u mill-isbaħ.
“Issa l-ħaddiema jridu jidraw jużaw din il-magna ħalli mbagħad nibdew nilqgħu l-ewwel pazjenti Għawdxin. Din hi miżura interim, dan hu MRI tat-tip portabbli, jiġifieri l-MRI b’aktar saħħa se jkun installat fix-xhur li ġejjin.”
Il-Ministru Abela saħaq kif id-deċiżjoni, biex Għawdex ikollu MRI tiegħu, ittieħdet wara laqgħa li saret bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u hu nnifsu.
Sadanittant, il-Ministru Clint Camilleri qal kif din hi wegħda oħra oħra mwettqa għall-Għawdxin.