Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel anniversarju tat-tallinja card, Malta Public Transport rebbħet lil persuna li għamlet l-aktar vjaġġi f’kull kategorija tat-tallinja card: Adult, Child, Student, Concession u Gozo. F’Għawdex, il-prempju ntrebaħ minn tewmin li ġew l-ewwel fil-kategorija tagħhom b’aktar minn 1,500 vjaġġ f’sena.
Patrick u Joseph Vella, ta’ 46 sena mill-Għarb, jagħmlu bejn sitta u tmien vjaġġi kuljum. F’laqgħa ma’ Godfrey Attard, Depot Manager ta’ Malta Public Transport f’Għawdex, l-irġiel qablu li s-servizz tat-trasport pubbliku huwa effiċjenti u prattiku. Skont l-esperjenzi tagħhom ta’ kuljum, huma qalu li qed isir titjib kontinwu fis-servizz.
“Huwa bi pjaċir li nrebbħu l-klijenti leali tagħna,” qal Attard. “Meta ndunajna li ż-żewġ persuni bl-aktar vjaġġi kienu tewmin, iddeċidejna li nrebbħu lit-tnejn li huma sabiex ikunu jistgħu ikomplu jivjaġġaw flimkien.”
It-tewmin telqu lejn l-Awstralja ta’ seba’ snin iżda ta’ għoxrin sena marru lura lejn Għawdex, għax dejjem kienet taffaxinhom il-klima u l-imħabba lejn il-kultura Għawdxija. It-tnejn li huma esprimew l-istess fehmiet rigward it-trasport pubbliku. Patrick qajjem tħassib dwar il-mod kif il-passiġġiera jittrattaw lix-xufiera, sostna li x-xufiera ġieli jitpoġġew taħt tensjoni kbira. Joseph kompla b’suġġeriment li n-nies għandhom jeħilsu mill-karozzi u jużaw it-trasport pubbliku.