Fil-logħob tal-gżejjer li qed jsiru f’Guernsey, it-tim Għawdxi rebaħ medalja oħra għar-raba’ jum konsekutiv biex s’issa akwista waħda deheb, tnejn fidda u waħda bronż. Dan ir-riżultat inkiseb fl-isparar meta Lara Calleja, li aktar kmieni kienet rebħet il-fidda fl-iSporting Trap, spiċċat fit-tielet post fil-kompetizzjoni English Sporting Trap.
F’din il-ġurnata oħra tal-isporting, Lara Calleja pratikament kienet l-akbar sfidanta għat-tiraturi mill-Isle of Wight li matul il-ġimgħa ddominaw kull kompetizzjoni tal-irġiel u tan-nisa. Callejja spiċċat fit-tieni post daqs it-tiratriċi Katie Bishop b’67 plattina biex il-medalji tal-fidda u tal-bronż kellhom ikunu deċiżi b’shoot off. Fl-ewwel rawnd tax-shoot-off Calleja u Bishop laqtu 7 plattini kull wieħed iżda fit-tieni rawnd Callejja tilfet ir-ritmu u Bishop kienet dikjarata rebbieħa tat-tieni post.
Fil-kompetizzjoni English Sporting Trap tal-irġiel it-tiratur Għawdxi Godwin Micallef kellu wirja tajba u spiċċa fit-tmien post minn 25 tiratur.
Fil-futbol, it-tim Għawdxi spiċċa l-kompetizzjoni fis-sitt post, minn sittax-il tim, wara li fil-logħba play-off għal ħames u s-sitt post tilef kontra Guernsey bl-iskor ta’ wieħed b’xejn bil-gowl deċiżiv jasal fit-52 minuta minn Keene Domaille.
Fl-għawm, Keira Attard ħadet sehem fil-Heats tal-400m free style tan-nisa, filwaqt li Anthony Borg u Giuseppe Borg ħadu shem fil-Heats tat-800m free style tal-irġiel. L-għawwiema kolla tejbu l-aħjar ħin personali iżda ma kienx biżżejjed biex jiksbu post fil-finali.
Fit-tlielaq tal-Cross Country Mountain Bike tan-nisa u tal-irġiel ħadu sehem iċ-ċiklisti Għawdxin Felicienne Cini, Stefan Scerri, Brandon Sultana, Darren Sultana, Stefen Grima u Jamie Camilleri. Stefan Scerri kellu l-aħjar riżultat meta spiċċa fid-19-il post minn 29 ċiklista filwaqt li t-tim Għawdxi tal-irġiel spiċċa fil-ħames post.
Fil-klassifika tal-medalji Guernsey baqgħu fl-ewwel post b’126 medaji, li minnhom 44 huma tad-deheb u Jersey jinsabu fit-tieni post b104 medalji li minnhom 35 huma tad-deheb.