L-iskema tat-Tapering of Benefits, li l-Gvern kien daħħal fl-2014, bħala parti mill-politika Laburista ta’ ‘Making Work Pay’, irnexxielha tqarreb lill-Għawdxin lejn is-suq tax-xogħol ferm aktar mill-Maltin, anke jekk dawn ukoll gawdew minnha sew.
Din kienet waħda minn bosta miżuri li, fl-aħħar għaxar snin, irrivoluzzjonaw l-impjiegi f’pajjiżna u wasslu għal ħolqien ta’ xogħol bla preċedent biex illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Id-differenza hi li llum hawn inqas minn 1,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna, waqt li sa l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm mat-8,000 persuna bla xogħol.
Opinjoni miktuba minn Frans Camilleri fil-ħarġa tat-Tlieta tat-Times of Malta żvelat kif studju li sar mill-ekonomista fi ħdan id-Dipartiment tal-Analiżi Ekonomika tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Kurt Sant, sab riżultati impressjonanti f’dan ir-rigward, partikolarment fost l-Għawdxin, li jbatu minn insularità doppja.
L-istudju, imsemmi ‘Enhacing Employment Opportunities for Gozitans: The Impact of Active Labour Market Policies’, sab kif ix-xogħol għall-Għawdxin kemm f’Għawdex stess kif ukoll f’Malta hu ferm aktar limitat u dan kien ukoll qed jillimita l-prospettivi ekonomiċi tal-gżira u tal-familji nfushom.
Minkejja dan, bl-introduzzjoni tal-miżura tat-Tapering of Benefits, li fl-aħħar snin għenet lil eluf ta’ persuni jinqalgħu minn fuq il-benefiċċji soċjali u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, waqt li l-istess benefiċċji jitnaqqsu gradwalment, l-Għawdxin kienu l-iżjed li ggwadanjaw.
Fil-fatt l-Għawdxin kellhom rata aħjar mill-Maltin biex isibu mpjieg fl-aħħar snin, anke jekk, qabel il-miżura, kienu jibdew bi kważi 13% inqas ċans li jaqbdu jaħdmu.
Minbarra hekk, eventwalment ir-rata tagħhom li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol ukoll kienet aħjar minn dik tal-Maltin, bi 22.4% inqas probabbiltà li jerġgħu jaqgħu fuq il-benefiċċji.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, l-ekonomista tal-Bank Ċentrali jikkonkludi li l-iskema tat-Tapering of Benefits kienet ta’ suċċess ferm akbar għall-Għawdxin li llum ukoll qed jaraw l-ekonomija tal-gżira tikber b’rata aħjar minn tal-gżira Maltija bħala parti mis-suċċess nazzjonali li qed jirreġistra l-aqwa riżultati fl-Unjoni Ewropea.