L-aġenzija għall-fruntiera Ewropea u għall-għassa tax-xtut, il-Frontex ikkonfermat mat-Times li d-dinghy abbandunat li deher bejn Malta u l-Libja mhux riżultat ta’ xi traġedja fil-baħar.
Il-Frontex sostniet li d-dinghy li ntlemaħ fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fl-ibħra Libjani aktarx tħalla għal riħu abbandunat wara li l-immigranti li kienu fuqu ġew salvati.
Dak li qalet il-Frontex imur id f’id ma’ dak li qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo.
L-aġenzija Frontex spjegat li d-dinghy ma kellux magna mqabbda miegħu u l-awtoritajiet Taljani sabu rabta bejn dan id-dinghy u operazzjoni ta’ salvataġġ li saret fil-passat.
L-għaqda mhux governattiva Sea Watch kienet sostniet li dgħajsa bl-immigranti għerqet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bil-Ministru Bartolo jispjega li fil-Mediterran hemm ħafna dgħajjes ta’ dan it-tip li jitħallew għal riħhom bejn sema u ilma.
“Numru ta’ dgħajjes jiġu interċettati mill-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi u hekk kif l-immigranti jitilgħu fuq il-vapuri, id-dgħajjes li kienu fuqhom jiġu abbandunati. Għalhekk dan ma jfissirx li ntilfu xi ħajjiet kif ġie allegat”, intqal b’mod ċar mill-Ministru Bartolo.