L-istorja ta’ madwar tliet mitt student, li jinsabu fl-ewwel sena tal-kors biex jiksbu baċċellerat fil-kummerċ mill-Università ta’ Malta se jiġu dikjarati li weħlu minn eżami wara li l-Università sabet evidenza biżżejjed li kien hemm min qarraq waqt l-eżami, qajmet reazzjonijiet imħallta.
Għaqdiet li jirrappreżentaw l-istudenti universitarji qalu li qed jgħarrblu s-sitwazzjoni u jitkellmu mal-amministrazzjoni tal-Università.
Dan għall-fatt li kulħadd intefa’ f’keffa waħda.
L-Assoċjazzjoni tal-istudenti li qegħdin fil-kors tal-BCom qalet li qed tifhem it-tħassib u l-uġigħ tal-istudenti li spiċċaw weħlu minn eżami li sar xahar ilu.
Min-naħa l-oħra, l-assoċjazzjoni kkundannat il-fatt li waqt l-eżami li sar online, kien hemm min ipprova iqarraq billi f’chat li teżisti bejn l-istudenti beda jsaqsi għat-tweġibiet.
Mitluba tagħti kumment lil din il-kamra tal-aħbarijiet, l-Assoċjazzjoni qalet li m’għandha xejn x’iżżid ma’ dak li kitbet fuq il-paġna tagħha ta’ facebook.
Fuq il-paġna qalet li l-azzjoni drastika li ttieħdet mill-eżaminatur ittieħdet fuq livell tal-fakultà tal-Kummerċ, il-Management u l-Accounts.
Qalet li bħala assoċjazzjoni ma saru l-ebda diskussjonijiet magħha qabel.
It-Tnejn filgħaxija hekk kif ħarġet din l-istorja, ONE News żvela siltiet miċ-chat li għadha attiva sal-lum, fejn fiha hemm nies jitkellmu dwar tweġibiet u mistoqsijiet fil-ħin tal-eżami.
ONE News għatta l-identità tan-nies li kitbu fuq din iċ-chat biex jipproteġi s-sors minn fejn kiseb l-informazzjoni.
ONE News ra wkoll kif parti mill-kontenut taċ-chat li ntużat waqt l-eżami tħassar hekk kif iċ-chat fuq messenger tagħtik iċ-ċans tħassar messaġġ li tkun bgħatt.
L-eżami kien dwar il-matematika u jidher li kien fih x’togħmod mhux ħażin.
Studenta fil-kors li spiċċat weħlet kitbet fuq il-profil tagħha li mhuwiex sew fuq min studja u għamel l-aħjar tiegħu fl-eżami.
Studenti oħra li qalu li ma kinux involuti f’dan l-att ta’ qerq ħassewhom urtati u saħqu li mhux sew li mal-ħażin, weħel it-tajjeb.