Bil-faċċati tal-każini mixgħula bil-kulur oranġjo, bi bnadar iperpru b’messaġġ kontra l-vjolenza domestika u numru ta’ attivitajiet skedati, il-lokalità tar-Rabat, bl-għaqdiet fi ħdanha, ingħaqdet f’jiem ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika.
Bħala parti mill-inizjattiva, twaħħlu wkoll messaġġi madwar il-lokal.
Dawn l-attivitajiet qed isiru wkoll bl-appoġġ tal-Fond Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti, fejn il-Kunsill Lokali kien wara din l-inizjattiva.
“Inizjattiva ‘Tkellem’, hi inizjattiva kontra l-vjolenza domestika, il-vjolenza fiżika, il-vjolenza psikoloġika u b’din l-inizjattiva, flimkien mal-każini tal-baned, qed nuru messaġġ b’saħħtu kontra kull tip ta’ vjolenza.”
Sandro Craus, Sindku Rabat
L-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u s-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru qed jagħqdu r-Rabat f’komunità waħda b’dawn l-inizjattivi kontinwi fis-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra din il-pjaga soċjali, li ħafna drabi tħalli vittmi wara bibien magħluqin.
Mill-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, il-President Neville Muscat u s-Segretarju Daniel Giordmaina, qalu li bħala soċjetajiet mużikali għandhom ir-rwol importanti li mhux biss iwasslu messaġġ qawwi fost il-membri tagħhom, iżda wkoll fost il-komunità li jaħdmu fiha.
“Kull min jista’ jattendi għal dawn il-laqgħat ħa jkunu qed isiru u anke attivitajiet oħrajn, għandhom jagħtu ħin għalihom, għax huma mezz ta’ għajnuna u ta’ servizz fil-komunità kollha Rabtija.”
Neville Muscat, Presidentm Għaqda Mużikali l’Isle Adam
Mill-għaqda mużikali l-oħra Rabtija, is-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, il-President Antoine Borg u s-Segretarju Henry Debattista qalu li, bħala lokal, huma eżempju ta’ kif wieħed, anke jekk ġej minn organizazzjonijiet differenti, jaħdem fi spirtu ta’ għaqda u rispett, b’din id-darba fuq livell akbar b’kampanja komuni b’għan nobbli.
“Ningħaqdu mal-għaqdiet fir-Rabat biex inħeġġu lil min għaddej minn dan iż-żmien diffiċli biex jitkellem, biex iqum fuq saqajh, biex jipproteġi lilu nnifsu u jipproteġi lil dawk li jħobb, għax, fl-aħħar mill-aħħar, biex tħobb lil dawk li jħobbuk, l-ewwel trid tħobb lilek innifsek.”
Antoine Borg, President, Soċjeta San Pawl Banda Konti Ruġġieru
Fost l-attivitajiet li se jsiru, hemm ġabra ta’ oġġetti għall-kura tan-nisa u t-tfal, li se jsir quddiem il-Bażilika ta’ San Pawl u l-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù fl-1 ta’ Diċembru, bil-kollaborazzjoni tas-7th Rabat Girl Guides.
Il-ġabra se tkun qed issir b’appoġġ għal Dar Merħba Bik u se ssir bejn id-9:00 u l-11:30 ta’ filgħodu fejn il-pubbliku hu mistieden jikkontribwixxi.