Applikant li jkollu l-applikazzjoni tiegħu għaċ-ċittadinanza b’investiment approvata, huwa obbligat li jagħti donazzjoni lil xi għaqda jew organizzazzjoni filantropika, sportiva, kulturali, artistika jew li taħdem fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali fost oħrajn.
Mill-2014 sal-2023 bosta għaqdiet f’pajjiżna ibbenefikaw minn dan.
Jirriżulta fil-fatt illi mija u wieħed u ħamsin organizzazzjoni differenti ngħataw bejniethom sitta punt wieħed miljun ewro f’fondi.
Tlieta u tmenin għaqda rċevew iktar minn donazzjoni waħda waqt illi t-tmienja u sittin l-oħra rċevew donazzjoni waħda.
L-iktar għaqda illi bbenefikat minn dawn l-għotjiet hija Puttinu Cares.
Puttinu Cares irċeviet mitejn u tnejn u erbgħin għotja li b’kollox jammontaw għal miljun ewro u nofs.
Dan fl-istess ħin li permezz tal-Fond Soċjali tal-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, Puttinu Cares ingħatat ħames miljun ewro oħra mill-programm taċ-ċittadinanza b’investimengt għall-proġett tal-binja f’Londra.
Il-Malta Community Chest Fund ing’atat mija u disgħa u sittin donazzjoni li minnhom daħħlet miljun u mitejn elf ewro.
Heritage Malta ukoll ibbenefikat minn tnejn u ħamsin għotja li b’kollox ammontaw għal kważi erba’ mija u ħamsa u għoxrin elf ewro.
Claris Foundation, li taħdem mat-tfal vulnerabbli u mar-refuġjati irċeviet qrib it-tlett mija u disgħin elf ewro.
Bi ftit iktar minn erbgħin donazzjoni, Inspire, li taħdem mal-persuni b’diżabilità, irċeviet mija u disgħin elf ewro.
Ir-Rotary Club li jgħin persuni fil-bżonn ingħataw tlettax – il donazzjoni li jammontaw għal ftit inqas minn mija u sebgħin elf ewro.
Id-Dar tal-Providenza ħadet ftit iktar minn mija u sittin elf ewro waqt illi l-Università ta’ Malta bbenefikat minn mija u sittin elf ewro.
Hospice Malta li mill-programm ħadet disa’ miljun ewro biex fetħet kumpless għall-kura paljattiva f’Santa Venera, irċeviet ukoll ftit iktar minn mija u għoxrin elf ewro oħra f’donazzjonijiet.
Life Cycle, li tgħin pazjenti b’mard tal-kliewi ħadet qrib il-mitt elf ewro.
Tnejn u sittin elf ewro hija s-somma li ħadet Din l-Art Ħelwa waqt li l-Caritas u l-Viking Sailing Club ingħataw tlieta u ħamsin elf ewro.
Il-Caritas, permezz tal-Fond Soċjali tal-Iżvilupp Nazzjonali, ħadet miljun ewro u nofs sabiex inawgurat l-uffiċini ċentrali tagħha fil-Blata l-Bajda u għal investiment fiċ-ċentru tagħha f’San Blas.
Il-Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek u l-Fondazzjoni Marigold ibbenefikaw minn ħamsin elf ewro waqt li l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà ħadet ftit inqas minn ħamsin elf ewro.
Is-Sorjiet tal-Ursolini ukoll ibbenefikaw minn għotjiet permezz tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment u irċevew ftit iktar minn ħamsa u erbgħin elf ewro waqt li l-YMCA, id-Down Syndrome Association u l-Assoċjazzjoni tal-Annimal Abbandunati ħadu qrib l-erbgħin elf ewro /
Għaqdiet oħra li ħadu fondi jinkludu lil ALS, Birdlife, Dar Merħba Bik, Dar Sagra Familja, Friends of the Earth, ir-Red Cross, il-Millenium Chapel, u l-Fondazzjoni Richmond fost oħrajn.
Bil-kampanja li l-Partit Nazzjonalista għamel u għadu qed jagħmel kontra l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, permezz ta’ esponenti bħal Roberta Metsola, David Casa, Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Robert Aquilina, dawn l-għaqdiet li ta’ kuljum jgħinu eluf ta’ persuni, ma kienux jirċievu dawn il-fondi.