Fil-messaġġ tal-ewwel tas-sena, il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-sena li għadha kif għaddiet kienet waħda li affaċċjajna flimkien u kienet sena li offriet l-akbar sfidi ta’ kull żmien.
Hawnhekk irrikonoxxa ħidmet bosta nies minn kull sfera tas-soċjetà.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Kemm għandna biex inkunu kburin bil-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, tad-dedikazzjoni li wrew biex iħarsuna. Kburin bil-ħaddiema kollha li jaħdmu fiż-żamma tal-ordni, bil-frontliners kollha ġejjin minn liema settur ġejjin, li offrew is-servizz tagħhom lill-pajjiż. Bin-negozji li żammew sodi u ħallew lill-ħaddiema fl-impjieg. Kburi bl-anzjani tagħna, li mingħandhom tlabna ħafna sagrifiċċji. Kburi bil-poplu Malti u Għawdxi kollu, il-poplu tal-George Cross, tal-qlubija li wera.”
Filwaqt li fakkar li rridu nibqgħu nobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa, il-Prim Ministru qal li wara tant sagrifiċċji kbar, issa wasal il-mument li għada jkun aħjar mill-bieraħ.
Qal li sa Marzu rridu nkunu rkuprajna sew u f’Mejju nkunu qbadna n-normalità.
Dr Robert Abela saħaq li issa aktar minn qatt qabel irridu nkunu magħqudin: “Minn żmien li seta’ farrak lil pajjiżna, kif għamel lil pajjiżi oħra, minflok ħarġu aktar il-kwalitajiet sbieħ tal-poplu tagħna. Is-solidarjetà. L-imħabba lejn xulxin. L-għaqda nazzjonali. Dawn iridu jibqgħu magħna anke malli tgħaddi l-pandemija.”
Il-Prim Ministru fakkar kif fi żmien ta’ pandemija, pajjiżna naqqas il-qgħad u kien wieħed minn żewġ pajjiżi biss fl-Ewropa li żied l-impjiegi.
Qal li l-poplu fehem li ma’ dan il-Gvern għandu s-serħan tal-moħħ u b’hekk il-poplu wieġeb b’fiduċja billi fost oħrajn inxtraw u nbiegħu b’valur rekord ta’ propjetajiet, aqwa minn kull żmien ieħor, saħansitra meta ma kellniex pandemija.
Dr Abela qal li kellna Gvern deċiżiv u li ma beżax jieħu d-deċiżjonijiet u li fil-budget li daħal fis-seħħ mill-bidu tas-sena, il-Gvern qassam lil dawk l-aktar li għamlu s-sagrifiċċji, fosthom l-anzjani.
Huwa tenna: “Insaqsi, f’liema pajjiż ieħor din is-sena, żdiedu l-pensjonijiet, u ċ-children’s allowance? Liema Gvern kellu l-kuraġġ iħabbar l-akbar programm ta’ investiment industrijali, kif għamilna aħna? Filwaqt li bqajna għaddejjin bi proġetti infrastrutturali wieħed wara l-ieħor.”
Il-Prim Ministru semma r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern u wiegħed li l-Gvern se jkompli b’ħidma fi proġetti tal-housing soċjali u affordabbli, filwaqt li se jintensifika l-ħidma f’oqsma bħal dawk tal-persuni b’diżabilità, l-anzjani, iż-żgħażagħ u l-isport.
Qal li fl-elfejn u għoxrin ingħataw pakketti finanzjarji biex iwieżnu lin-negozji u lill-familji.
Dan għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, li quddiem kriżi ferm iżgħar wieġeb bl-awsterità.
Il-Prim Ministru sostna: “Flok issikkajna ċ-ċinturin, qassamna l-vouchers ħalli kulħadd ikollu x’jonfoq. U ftit jiem oħra nerġgħu nqassmu rawnd ieħor ta’ vouchers. Hekk jixirqilhom in-nies. Mela l-qtigħ il-qalb, in-negattiviżmu?”
Il-Prim Ministru semma l-ambjent bħala prijorità ewlenija għall-Gvern fl-elfejn wieħed u għoxrin.
Semma li issa twaqqfet l-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss u matul din is-sena trid tibda t-triq biex sal-elfejn u ħamsin inkunu ħielsa mill-karbonju.
Dr Abela saħaq:“Se nkun qed nenfasizza fuq prijoritajiet ġodda. Ewlenija trid tkun dik tal-ħarsien tal-ambjent. Is-sostenibilità. Din irridu nagħfsu fuqha. L-ambjent hu tagħna, imma hu wkoll ta’ min ser jgħix f’pajjiżna mitt sena oħra. Għalhekk għandna d-dover li nippriservawh għalihom ukoll.”
Il-Prim Ministru semma l-qasam edukattiv u fakkar fid-deċiżjoni għaqlija li l-Gvern jinvesti tletin miljun ewro favur il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.
Semma r-riformi kbar bla preċedent li sar matul l-elfejn u għoxrin u l-kisba tal-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal Malta.
Qal li Għawdex irid ikun mudell tal-politika ekonomika hekk kif f’Għawdex irid ikompli jitkattar il-ġid.
Semma l-bidliet fil-liġi tad-divorzju fejn se titneħħa inġustizzja u persuna ma tibqax tistenna żmien twil ta’ erba’ snin biex jerġa’ jkollha stabilità f’ħajjitha.
Il-Prim Ministru qal li dalwaqt se jidħlu bidliet biex nassiguraw iżjed preżenza tan-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament.
F’dan il-kuntest saħaq li jrid jara iżjed nisa f’pożizzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija.
Il-Prim Ministru temm il-messaġġ billi f’ismu, familtu u l-Gvern awgura s-sena t-tajba lil kull ċittadin f’Malta u f’Għawdex.